Stabbiltà

  • Ott 31, 2019 08:07
  • Miktub minn Alfred Sant

    L-interess ta’ pajjiżna hu f’Ewropa stabbli, fil-paċi u b’ekonomija li qed tavvanza. Ftit nistgħu nagħmlu biex dawn l-għanijiet jintlaħqu bl-isforzi tagħna waħidhom. Biss dejjem jaqblilna nappoġġjaw il-forzi u għaqdiet bejn il-ġnus Ewropej li jersqu l-aktar lejn l-għanijiet imsemmija.

    Hi logħba li tipprova żżewweġ il-kalkoli politiċi ma’ dawk ekonomiċi, soċjali u kulturali. Maż-żmien, aktar qed issir komplikata.

    Għax sar diffiċli sew li tiżen x’jaqbel l-aktar mill-fatturi li huma involuti. Biex tagħqad, il-pajjiżi l-oħra li jinsabu mdaħħla fil-logħba spiċċaw aktar fratturati minn ġewwa, mhux l-anqas il-pajjiżi l-kbar. L-Italja, il-Ġermanja, Spanja u minkejja kull ma jidher minn barra, Franza, ma jinsabux f’qagħda li jsostnu internament u esternament, politika waħda, soda, qawwija, koerenti.

    Xi ħadd li nammira għall-analiżijiet li jagħmel qalli: Il-priorità fl-Ewropa qed terġa’ ssir l-istabbiltà.

    ***                         

    BANEK

    Hemm bżonn ta’ aktar ħsieb fl-Unjoni Ewropea dwar il-qagħda tal-banek. Mhumiex sejrin tajjeb daqs kemm hemm bżonn.

    Ilu jsir l-ilment li l-banek meżżana u ċkejkna qed jintlaqtu ħażin mir-regolamenti dejjem jiżdiedu fiż-żona tal-ewro mfassla biex jassiguraw li ma jerġax jirrepeti ruħu d-diżastru tas-snin 2008-2010. Ir-riformi mdaħħla huma kollha meħtieġa, imma baqgħu jpoġġu piżijiet kbar fuq it-tmexxija tal-banek. Qed iwasslu lill-banek biex inaqqsu s-servizzi tagħhom u biex iwarrbu proposti għal self u investimenti ta’ siwi.

    Barra minn hekk, żdiedu l-piżijiet ta’ regolamenti meħtieġa – veru – ħalli jnaqqsu l-perikli ta’ maniġġi bankarji dwar ħasil ta’ flus kriminali.

    Il-problema hi li fl-Ewropa, il-banek jikkostitwixxu l-aqwa kanal li minnhom jgħaddu l-fondi tal-investiment – mhux bħal fl-Istati Unit. F’tal-aħħar, is-swieq tal-ishma jġorru l-aqwa negozji ta’ investiment.

    Jekk il-banek Ewropej jibqgħu marsusa kif qed ikunu, il-prospetti għal investimenti akbar fl-Ewropa se jibqgħu mċajpra.

    Is-sitwazzjoni hi waħda “klassika” – kif igħidu: it-triq lejn l-infern dejjem issibha ċċangata bl-isbaħ intenzjonijiet.

    *** 

    NIES LI NIFTAKAR

    Hekk kif jersaq il-bidu ta’ Novembru – ma jistax jonqos – tikber il-ħajra biex wieħed... speċjalment jekk ikollu l-età tiegħi, imma mhux biss... jiftakar f’dawk li ħallewna. Sfortunatament, aktar ma jgħaddu s-snin, aktar dawn il-ħbieb  jiżdiedu fil-għadd.

    Għall-bidu ħsibt li nniżżel hawn il-lista ta’ ħbiebi li telqu. Imma aħjar le. Forsi minkejja li telqu, għadhom magħna, bla ma naf.

    Jew aħjar ngħid li naf: Għax filfatt dawk li telqu, għadhom magħna. Kull darba li nsemmuhom jew niftakru fihom jew nargumentaw kontra dak li riedu jgħidu jew li emmnu fih... inkunu qed mhux biss infakkruhom... imma nerġgħu nagħtuhom il-ħajja.

    Il-proċess tat-tifkira hu wieħed li jżommhom ħajja. Dak hu s-seħer tal-bidu ta’ Novembru.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook