INDĦIL BARRANI

  • Ott 14, 2019 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Fil-plenarja tal-Parlament Ewropew il-ġimgħa li għaddiet, inżammu diskussjoni u vot dwar riżoluzzjoni li tikkundanna l-indħil fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-Ewropa minn forzi barranin. 

    Jien wieħed minn dawk li niftakar il-propaganda sfrenata li ttellgħet kontra l-gvernijiet Laburisti tas-snin 70 u 80 tas-seklu l-ieħor għax kienu jikkontestaw l-indħil barrani fil-politika Maltija, orkestrat mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista. 

    Ma tistax teskludi li forzi politiċi u oħrajn jieħdu sehem f’attivitajiet politiċi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom. Imma irid ikun hemm regoli ċari u trasparenti li japplikaw bl-istess mod għal kulħadd u għal kull tip ta’ intervent.

    Ma jagħmilx sens li nagħlqu għajnejna għal kull indħil tagħna jew ta’ ħbiebna. Imbagħad inqumu biex ngħidu kontra kull fejn qed jindaħlu dawk li ma jaqblux magħna, speċjalment jekk mir-Russja.

    HSBC

    Għall-bank tal-HSBC, Malta dejjem kienet “sideshow” żgħir.  Il-bejgħ lilu tal-Mid-Med Bank bir-ribass mill-gvern ta’ Fenech Adami xi għoxrin sena ilu kien ċejċja li ma setax jirrifjuta. Il-gvern kellu bżonn flus ta’ malajr biex juri li r-riformi fit-tmexxija tal-baġit tal-gvern li daħħalna bejn is-snin 1996 u 1998, kienu żejda.  

    Tal-HSBC ma kinux interessati tassew fl-iżvilupp tal-ekonomija Maltija. Riedu l-profitti li setgħu jieħdu minnha bla ma jkollhom impenn ta’ veru fiha. Matul is-snin, ħallew il-Bank of Valletta jġorr il-piżijiet tal-finanzjamenti meħtieġa ħalli l-ekonomija tiżviluppa. Baqgħu jiżfnu, kif bilfors kellhom jagħmlu, ż-żifna tal-kumpanija multinazzjonali HSBC kollha kemm hi.

    Bħalissa din mhijiex sejra tajjeb daqs kemm jixtiequ l-azzjonisti tagħha mad-dinja. Trid taqta’ mill-ispejjez u tneħħi l-impenji fejn ma tagħmilx flus tajba bla wisq taħbit.

    MAGELLAN

    F’“Over the Edge”, Laurence Bergreen jagħti rendikont eċċellenti tal-vjaġġ li għamlet madwar id-dinja l-flotta mmexxija minn Ferdinando Magellan. Kienet l-ewwel darba li dil-ħaġa saret. L-isfida kienet: tista’ tilħaq billi tbaħħar mill-punent tal-Ewropa, il-gżejjer tal-Molukka li jinsabu fil-Lvant imbiegħed? Mill-Molukka, kienu jaslu l-ħwawar eżotiċi li jiswew aktar mid-deheb.

    Fil-ktieb, insegwu t-tbaħħir ta’ Magellan sakemm fl-aħħar jirnexxilu jdur mal-ponta estrema tal-Amerika ta’ Isfel u jitlaq biex jaqsam baħar li ħadd qablu ma kien innaviga, il-Paċifiku, dejjem lejn il-punent sakemm se jasal fil-Molukka... Jinqatel qabel, fi ġlieda bla sens li daħal għaliha f’waħda mill-gżejjer tal-arċipelago llum imsejjaħ il-Filippini. 

     L-istorja tkompli, wara l-mewta ta’ Magellan, sakemm l-aħħar wieħed mill-flotilla ta’ xwieni li hu kien telaq bihom, jasal lura fi Spanja mkittef u mgħaffeġ b’daqs għoxrin ruħ abbord.

    Hi ġrajja ta’ avventuri qliel. Bergreen ipoġġiha fil-kuntest storiku u soċjoloġiku tagħha. Kien iż-żmien meta l-Ewropa telqet għall-avventura kolonjali kbira tagħha mal-erba’ trufijiet tad-dinja.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook