Kontabilità

  • Ott 03, 2019 08:11
  • Miktub minn Alfred Sant

    Li għad irridu nsolvu bħala soċjetà hu kif se ndaħħlu u nwettqu sew il-prinċipju ta’ kontabilità – ta’ kif kull min għandu kariga publika jew fil-privat, kariga li taffettwa l-ħajja u l-imġiba taċ-ċittadini se j/tirrispondi għall-għemil li hu tiegħu/tagħha. Għax anke hawn il-kultura tal-ħbieb tal-ħbieb hi qawwija: jekk se nistenna minn ħaddieħor li jagħti rendikont trasparenti ta’ għemilu, hu se jistenna l-istess ħaġa minni. Issa, mhux kulħadd irid idawwar lira bil-kwiet waqt li jgħix tajjeb...? Kelb rieqed la tqajmux...!

    Sentimenti hekk isewsu r-rieda biex tinħoloq tassew klima ta’ kontabilità – waħda li regolarment u bħala mod naturali ta’ kif isiru l-affarijiet, tistenna rendikonti siewja dwar ħidma li qed titwettaq.

    Forsi hu għalhekk ukoll li bħala stil ta’ tmexxija ħafna minna jippreferu jaħdmu bejn tnejn milli b’mod “kolleġjali” fi grupp wiesa’. Minflok l-informazzjoni dwar xinhu għaddej titqassam ma’ kulħadd bl-istess mod fl-istess ħin, din tiġi spezzettata f’suriet differenti bejn gruppi ta’ tnejn jew tlieta. B’hekk jinħoloq kull spazju għall-ambigwitajiet.

    Fejn jeżisti dan l-ispazju ftit jibqa’ post għall-kontabilità.

    *** 

    PASSAPORTI

    Il-bejgħ tal-passaporti reġa’ sar materja ta’ diskussjoni u kontroversja. U se jibqa’ hekk.

    Is-sabiħa hi li l-kontestazzjoni bdiet tqum meta il-politika ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza bdiet titħaddem minn pajjiżi żgħar bħal Malta jew Ċipru. Il-pajjiżi l-kbar, bħall-Istati Uniti jew ir-Renju Unit ilhom imexxu prattiċi li mhumiex wisq bogħod minn din il-politika. Fil-każ tagħhom, l-istess kobor jippermettilhom jaħbu jew iżellġu l-effetti tagħha, kemm għat-tajjeb, kemm għall-ħażin. Fil-każ tal-pajjiżi ċkejkna, dan mhux possibbli. Kemm meta jfuru l-affarijiet fosthom, kemm meta jbattu, xi jkun qed jiġri jidher fil-beraħ malajr ħafna.

    Jien wieħed minn dawk li ma tantx nappoġġja dil-politika ta’ bejgħ ta’ passaporti imma nagħraf l-ipokreżija ta’ ħafna minn dawk li qed jikkritikawha. Stenbħu dwarha meta l-pajjiżi ż-żgħar bdew iħaddmuha.

    *** 

    DAR FIL-QALA

    Rajt il-film il-ġdid ta’ Mark Doneo “Hemm dar il-Qala” u bqajt impressjonat. B’direzzjoni effettiva u fluwida,  kif ukoll bi djalogu mexxej u reċtar kompetenti għall-biċċa l-kbira tal-ħin, il-film jeħodna kif jgħid it-titlu tiegħu f’dar abbandunata l-Qala. Ħadd donnu ma jrid jgħix fiha aktar.

    Il-kap ta’ aġenzija jaċċetta proposta biex jibgħat tim ta’ tekniċi jiffilmjaw dokumentarju dwar id-dar. Kollha kemm huma jispiċċaw maħkuma mill-“arja” ħażina tad-dar. Jew inkella nqabdu fil-konfoffa mħarbta ta’ xi miġnun? Żgur hu li fl-imgħoddi fid-dar seħħet ġrajja kerha.

    L-influwenza ta’ Dario Agento tinħass sew u b’mod interessanti. In-nisġa setgħet kienet aktar marsusa biex tevita li xi xeni jinħassu repetittivi jew inkoerenti.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0