ABBUŻI FLAGRANTI

  • Set 30, 2019 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Raġuni għaliex kwalunkwe demokrazija, tagħna inkluża, għandha bżonn ġurnaliżmu “ħieles” hu ħalli b’hekk tassigura li se jkollha kontrolli biżżejjed fuq abbużi flagranti. Ħieles qed tintwera hawn bejn virgoli maqluba biex tagħmilha ċara li l-mezzi ta’ informazzjoni, anke meta jippretendu mod ieħor, mhux neċessarjament ħielsa mill-influwenza ta’ interessi okkulti jew privati – b’kuntrast ma’ impenn totalment publiku. 

    Ta’ spiss, abbużi flagranti jibqgħu għaddejja mhux bilfors għax min ikun maħtur biex irażżanhom jippreferi jagħlaq għajnejh jew iħares lejn naħa oħra. Jiġru wkoll meta l-awtoritajiet maħtura ma jirnexxilhomx iwettqu dmirijiethom... minħabba inkompetenza jew għax mhumiex ilaħħqu.

    Ikun xi jkun il-mottiv, meta l-ġurnaliżmu “ħieles” jiżvela dawn in-nuqqasijiet u abbużi, ikun iwettaq funzjoni siewja f’demokrazija. Lil hinn milli nibżgħu li din tkun ħidma manipulata – u anke jekk hi – l-ispazju li tokkupa jeħtieġ jibqa’ jiġi mħares u garantit. Fi klima ta’ rapportaġġ bla xkiel, anke jekk negattiv, sakemm jiġu rispettati n-normi tad-demokrazija, l-abbużi flagranti jsibu anqas żvog biex jiffjorixxu.

    DJAR QODMA

    Id-djar qodma m’għadhomx moda. Kull fejn tħares, tarahom jitwaqqgħu. Sa ftit taż-żmien ilu, tqiesu bħala simbolu ta’ prestiġju soċjali. Li tirrinovahom waqt li ssostni l-karattru tagħhom kienet titqies ħidma siewja, interessanti.

    Niddubita kemm dan għadu l-każ. Donnu li d-djar qodma – f’inħawi fejn huma parti minn firxa arkitettonika qadima fi ħdan il-binja Maltija – qed jiġu negozjati biex jitwaqqgħu. Minflokhom jinbnew kaxxi ta’ appartamenti ġodda. Jew inkella jinbidlu fi strutturi “moderni” li fil-verità jħassru kull valur li setgħu wirtu mill-imgħoddi.

    Issib ħafna nies li jaqblu ma’ dan li qed jiġri.

    VIJABBLI JEW LE... 

    Mela: il-gvern se jkun qed jonfoq talanqas sebgħin miljun ewro fuq il-programm vast ta’ titjib fit-toroq ewlenin ta’ Malta. Kulħadd jifhem li din hi ħidma infrastrutturali u li mhijiex kwistjoni ta’ vijabbiltà jew le. Trid issir għax isservi biex ittejjeb is-sistemi tat-trasport fil-pajjiż. Minnha mhu se jkun hemm l-ebda dħul biex jibbilanċja l-ispiża li qed issir.

    Dan l-argument ma jidhirx li qed jintuża fuq il-mina li għandha ssir lejn Għawdex. Hawn, jintqal li din se tkun vijabbli permezz tat-tariffi li se jħallsu dawk li jużawha. Issa jien wieħed minn dawk li ma nemminx li dil-mina tista’ tkun kummerċjalment vijabbli, kif intqal. Imma nsibha ħaġa kurjuża li l-argument tal-vijabbiltà qed jintuża ħalli l-mina ssir... jew b’liwja aktar kurjuża, li l-proġett tal-metro m’għandux isir għax mhuwiex vijabbli...

    L-istess tip ta’ argument ma jintużax dwar il-miljuni minfuqa... u sew qed isir... fuq it-titjib tat-toroq.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0