ĦBIEB TAL-ĦBIEB

  • Set 26, 2019 08:25
  • Miktub minn Alfred Sant

    ĦBIEB TAL-ĦBIEB

    Ix-xbieki tal-ħbieb tal-ħbieb jibqgħu dejjem għaddejja, uħud għat-tajjeb, ħafna drabi għall-agħar. Jeżistu f’kull ħidma tal-bnedmin, kemm għax hu fin-natura tagħna li tħoss kemm jaqbillek tafda l-aktar lil min taf, jew għax il-kalkolu jgħidlek li tmur l-aħjar ma’ min tista’ tħokklu dahru u hu tiegħek b’reċiproku.

    Il-bużillis: dak li jiswa għal min jinsab f’dawn ix-xbieki, mhux bilfors hu tajjeb għas-soċjetà kollha kemm hi. Ħafna drabi mhuwiex.

    Hu għalhekk li waħda mis-salvagwardji kontra l-abbużi li jistgħu jsiru hi t-trasparenza sħiħa fit-tmexxija publika. Imma anke hawn tqum problema: meta x-xibka tal-ħbieb tal-ħbieb tkun qawwija biżżejjed, anki l-mekkaniżmi tat-trasparenza jistgħu jiġu manipulati. Dak li jiġi preżentat bi “trasparenza” jkun ġie minsuġ minn qabel biex ir-riżultati joħorġu skont ix-xewqat tax-xbieki “ħbieb”.

    Dan fid-demokraziji “avvanzati”. F’oħrajn li mhumiex avvanzati daqshekk, ta’ spiss jinkixfu l-manuvri tax-xbieki “ħbieb”. Biex xorta tgħaddi tagħhom, anke r-regoli ta’ trasparenza jiġu mħarbta.

    “XIWI” TAL-KUMMISSARJI

    Il-ġimgħa d-dieħla, quddiem il-kumitati tal-Parlament Ewropew se jidhru l-membri proposti tal-Kummissjoni Ewropea mmexxija minn Ursula von der Leyen biex iwieġbu għall-mistoqsijiet tad-deputati. Ftit ilu rċevew patafjun ta’ mistoqsijiet bil-miktub li għalihom mistennija jwieġbu bil-miktub.

    Intqal li f’dawn il-mistoqsijiet imħejjija flimkien minn rappreżentanti tal-gruppi politiċi, ġew evitati mistoqsijiet personali u kontroversjali dwar konflitti ta’ interess jew ħidmiet dubjużi tal-kummissarji l-ġodda. Kważi kull grupp għandu nominat persuna jew oħra mimsusa b’xi suspett! Allura ma ssemma xejn. Wieħed jistenna li fis-seduti wiċċ imb’wiċċ mhux hekk se jiġri.

    Biss sa issa, jidher li l-akbar problemi se jqumu dwar il-kummissarju Ungeriż li sa ftit taż-żmien ilu, kien ministru tal-ġustizzja fil-gvern ta’ Orban.

    POEŻIJI

    Kienet aħbar tajba li l-ħabib tiegħi Albert Marshall daqt joħroġ edizzjoni tal-poeżiiji li kiteb minn nofs is-snin sittin, żmien l-Indipendenza, sal-lum. Mhux biss għax ħabib, imma wkoll għax dejjem ammirajt il-kitbiet tiegħu: bqajt insegwihom sa minn meta sirt naf bihom għall-ewwel darba fil-ġabra ta’ poeżiji li kien ħareġ ma’ Ġorġ Borg u Oliver Friggieri “Dħaħen fl-Imħuħ”. Għad għandi kopja ta’ dak il-ktieb – għal xi snin ħsibt li kont “tliftu” u ħadt gost kbir meta sibtu jistaħba fil-qoxra ta’ ktieb imdaqqas.

    Il-poeżiji ta’ Albert sa mill-bidu nett kienet imħawra f’nifs qawwi u spontaneju, li anke meta jsir “vulgari” jibqa’ ankrat fir-ritwal ta’ ċerimonja – biex ma ngħidx sagramentali. Biex inkun għedt kollox, l-aktar li jogħġbuni huma l-poeżiji tal-Awstralja, forsi għax id-distanza għamlithom jirriflettu aħjar ir-realtà fondamentali Maltija. Jista’ jkun li l-poeżiji tal-aħħar snin għad jibdluli dil-fehma.   

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0