LEJN BAĠIT TA’ FIDUĊJA

  • Set 16, 2019 08:04
  • Miktub minn Alfred Sant

    Meta terġa’ taqra, kif għamilt, id-dokument ta’ qabel il-baġit li ħareġ ftit ilu, tikkonferma li s-sens ta’ fiduċja fl-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż hu ġustifikat. Għas-sentejn li jmiss, ir-rata bla preċedent ta’ tkabbir ekonomiku mistennija tkompli. Jidher li d-dħul u l-ħruġ tal-gvern se jkomplu b’mod sostenibbli jagħtuh spazju fiskali biżżejjed biex ikun jista’ jwettaq proġetti ta’ bidla u modernizzazzjoni b’ritmu qawwi.

    F’dax-xenarju li l-ebda gvern mill-Indipendenza lil hawn ma gawda, xorta tkun ħaġa tajba li wieħed jagħmel mistoqsijiet kritiċi.

    Pereżempju: Fl-ispiża tal-gvern qed jittieħed kont biżżejjed tal-ħtieġa li tiżdied l-ispiża korrenti fuq il-manteniment u t-tiswija ta’ faċilitajiet li qed jitqagħbru bil-kbir minħabba l-istess tkabbir qawwi li qed inġarrbu?

    L-ambjent naturali u kulturali għandu ħarsien sħiħ biżżejjed?

    Sirna qed niddependu żżejjed minn servizzi li jinsabu taħt “attakk” internazzjonali, mhux l-anqas mill-istati tal-Unjoni Ewropea?

    Is-sistema edukattiva qed tipproduċi biżżejjed għal-lum u għal għada żgħażagħ tassew imħarrġa fl-oqsma li skont ma ngħidu, irridu niżviluppaw?

    SFIDI GĦAL HELENA

    Bir-responsabbiltà għall-ugwaljanza li ngħatalha fil-kulleġġ von der Meyer tal-Kummissarji Ewropej, Helena Dalli għandha sfida doppja. 

     Kif se tagħti sura u saħħa lill-ħidma li se tmexxi fi ħdan Unjoni Ewropea li saret aktar mhux anqas, eteroġenea fl-attitudnijiet tal-popli u fl-imġiba tal-gvernijiet? Kemm se jkollha warajha saħħa morali u politika biex twassal sal-aħħar il-bidliet meħtieġa?

     Veru li tista’ sserraħ rasha mill-appoġġ ta’ von der Leyen innifisha, magħrufa għall-impenn li turi f’dal-qasam. Dan biżżejjed? 

    Għax – it-tieni sfida – Helena ngħatat tmexxija fuq korp amministrattiv limitat sew fil-burokrazija tal-Kummissjoni. Forsi dan ġara peress li l-kariga tagħha hi ta’ timbru ġdid kważi għal kollox.

    Hu qawwi għalhekk kumment magħmul mis-segretarju ġenerali tal-ETUC: Helena trid tikkonċentra mhux fuq li toħroġ testi legali ġodda, li jibqgħu fuq il-karta; imma li tikkollabora mal-Kummissarju responsabbli mill-impjiegi, biex bidliet meħtieġa fil-ħlasijiet lil irġiel u nisa jitwettqu fir-realtà.

    GONZALEZ

    Tassew interessanti l-intervista li Felipe Gonzalez, Prim Ministru Spanjol għal erbatax-il sena, ta lill-ġurnal El Pais ġimgħa ilu. 

     Iddiskuta l-iżviluppi fix-xenarju politiko-ekonomiku tal-Ewropa u lil hinn minnha. Sostna li l-problema ewlenija hi li l-mod kif  qed titmexxa l-globalizzazzjoni: mhijiex sostenibbli. Ir-regoli dwar kif għandhom jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali, ftit kemm kienu, mhumiex jiġu rispettati. Il-konfront bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti se jkun akut wisq. 

    Fl-imgħoddi Gonzalez kien jgħajjini għax ma jieqafx jitkellem. F’din l-intervista għandu ħafna xi jgħid imma kollox konċiż. Jibki l-fatt li l-Ewropa, minkejja li varat daqstant inizjattivi innovattivi, ħalliet lil ħaddieħor jaħkimhom. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0