Twemmin

  • Set 05, 2019 00:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Fit-tmexxija pubblika, sfida essenzjali tibqa’ dik ta’ kredibilità. Id-diskors bi proposti li jsiru fih, hu kredibbli? L-ispjegi dwar dak li jkun ġara tista’ temmen fihom?

    Bilfors li mistoqsijiet bħal dawn ikunu kruċjali f’biżness li l-mira vitali tiegħu hi li jikkonvinċi l-akbar numru possibbli ta’ nies biex jaqblu ma’ linja ta’ tmexxija u jappoġġjawha, jew talanqas biex ma jopponuhiex.

    Lil hinn mill-kredibilità tal-messaġġi, hemm ukoll dik tal-persuni involuti. Għal min bħala persuna għandu/għandha l-kredibilità tiegħu jew tagħha, hi ħaġa aktar ħafifa li tiddota l-messaġġi mwassla minnha bil-kredibilità meħtieġa.  Il-problema hi li daqs kemm hemm min jemmen f’persuna, x’aktarx se jkun hemm min ma jemminx – u allura tibqa’ l-ħtieġa biex f’li tgħid, tassigura l-massimu ta’ kredibilità għall-messaġġ li qed jitwassal.

    Fi żminijietna biex tgħaxxaqha, il-mezzi soċjali tal-komunikazzjoni qed jikkomplikaw il-problemi għax daħħlu arranġamenti ġodda ta’ kif jinħadmu l-messaġġi politiċi – ħafna drabi b’metodi li mhumiex awtentiċi. Anke ċittadini li ma jafux sew b’dil-ħaġa jissuspettaw li qed ikunu manipulati. Suspett bħal dak xejn ma jgħin biex jissaħħaħ it-twemmin fil-proposti mressqa. 

    ***

    ĠODDA

    Persentaġġ għoli ħafna ta’ membri tal-Parlament Ewropew fil-mandat li għadu kemm beda jinsabu fih għall-ewwel darba. Hemm min jgħid li dan għandu jfisser li se jkun hemm kurrent qawwi ta’ opinjoni favur modi ġodda ta’ kif isiru u jitqiesu l-affarijiet. Dak li kien iqajjem furur fl-imgħoddi jintesa u se jinstabu minflok suġġetti oħra jaħarqu.

    M’inix konvint li se jiġri hekk. Għax jista’ jiġri wkoll li l-ġodda jkunu lesti wisq iħallu lilhom infushom jiġu ggwidati fl-għażliet li jagħmlu minn dawk li ilhom deputati għal aktar żmien. Rajt dil-ħaġa diġà tiġri darbtejn sa issa.

    Ħaġa tajba? Ħażina?

    Għadni ma ddeċidejtx.

    ***

    AKTAR TRASPARENZA

    L-għajta għal trasparenza akbar fid-deċiżjonijiet statali kienet u għadha ġustifikata. L-organi tal-istat ma jistgħux jiddeċiedu “kollox” fil-magħluq imma jridu jkunu soġġetti għal kontabilità – li tiġi billi jżommu lill-publiku informat bis-sħiħ dwar id-deċiżjonijiet li jieħdu u l-proġetti li jwettqu.

    Dan mhux biss għax hekk titlob id-demokrazija imma għax hu mod kif l-azzjonijiet tal-istess awtoritajiet isiru aktar effettivi. Veru li t-trasparenza tista’ sservi biex tgħin lill-forzi kontra xi miżura ħalli jimmobilizzaw aħjar huma u jipprovaw iwaqqfuha. Min-naħa l-oħra, l-kritika li jistgħu jqajmu għandha sservi biex dak li jitwettaq jitqies b’galbu akbar, u allura jitwettaq aħjar – anki biex tiġi evitata l-kritika.

    Problema f’pajjiżna hi li għalkemm it-trasparenza żdiedet matul is-snin, mhiex prattikata b’konsistenza jew b’uniformità mal-oqsma tat-tmexxija. Uħud jipprattikawha skrupulożament, oħrajn jitmejlu minnha.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0