Lejn djar aktar aċċessibbli

  • Aww 29, 2019 14:34
  • Miktub minn Chris Fearne

    Fl-aħħar jiem, il-kollega Segretarju Parlamentari Roderick Galdes żar ix-xogħlijiet li kienu għadhom kemm tlestew fil-housing estates fiż-Żejtun.

    Xogħlijiet li fiż-Żejtun biss waslu biex 60 familja, illum qed igawdu minn residenza aktar sigura u aktar aċċessibbli, hekk kif fost xogħlijiet oħra f’uħud mill-blokok saru installazjoni ta’ lifts. 

    Kemm-il darba żort familji li jgħixu f’dawn il-housing estates u oħrajn mifruxa madwar pajjiżna. Il-bżonn ta’ ristruturar u manutenzjoni f’ħafna minnhom kien jinħass sew. Wara kollox dawn binijiet li  ibnew fis-snin 80 u 90, b’uħud imorru anke lura għas-snin 70. 

    Imbagħad kellek problema oħra l-aċċessibilta. 

    Niftakar mara anzjana li ltqajt magħha f’waħda miż-żjarat li għamilt propju fil-housing estate fiż-Żejtun. Bid-dmugħ f’għajnejja qaltli li qed tħossha priġuniera f’darha stess. Irrakuntatli kif saħħitha m’għadiex l-istess kif bil-problemi f’saqajha kien qed ikun impossibbli li toħroġ, għax iż-żewġ sulari taraġ kienu qed jaqtgħulha wisq qalbha. Illum kienet qed tgħix ħajjitha imsakra f’darha. Għax-xiri titlob l-għajnuna tal-ġirien. 

    Nixtieq nerġa nżurha lil din is-sinjura, nixtieq nara kif inhi llum, li permezz tal-inizjattiva ta’ Gvern Laburista – din il-mara se tkun mill-ġdid terġa’ tgħix komda f’darha stess. Se terġa tingħaqqad fil-komunita li għexet ħajjitha kollha fiha. Din il-mara u żgur bħala ħafna oħrajn reġgħet kisbet l-indipendenza tagħha. 

    Bħal din l-istorja ltqagħajt ma’ ħafna oħrajn, nies li minħabba n-nuqqas ta’ aċċessibilta fil-blokka tal-Gvern fejn kienu jgħixu, kellhom iħallu darhom u jmorru jgħixu f’Dar tal-Anzjani, qabel iż-żmien. Ġenituri li kellhom idaħħlu lill-uliedhom bi bżonnijiet speċjali f’residenza minħabba li ma setgħux ikomplu jqandlu lil uliedhom sulari ta’ taraġ ta’ kuljum. 

    Il-proġett fiż-Żejtun huwa biss parti minn proġett ħafna akbar li qiegħed isir u li jinvolvi 110 housing estate mifruxa madwar Malta kollha. 

    Fost oħrajn apparti ż-Żejtun, sar xogħol f’housing estates fil-Floriana, Bormla, Santa Luċija, San Ġwann, il-Fgura u Santa Venera. B’kollox se jkunu qegħdin jibbenefikaw mad-900 familja bi spiża ta’ €10 miljuni, b’fondi konfinanzjati mill-Fondi Ewopew għall-Iżvilupp Reġjonali. 

    Bħala parti minn dan il-proġett qegħdin wkoll xogħol ta’ tisbiħ fiż-żoni ta’ madwar dawn il-binjiet, fosthom permezz ta’ tħawwil ta’ siġar.

    Dan mhux l-uniku proġett li għaddej bħalissa fil-qasam tas-social housing, fejn apparti riġenerazzjoni ta’ housing eżistenti, għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin qegħdin naraw il-bini ta’ units ġodda ta’ housing soċjali. 

    Huwa biss grazzi għas-suċċessi ekonomiċi ta’ Gvern Laburista li dan il-proġett, bħal ħafna proġetti oħra saru u qegħdin isiru. Proġetti u skemi bħaż-żieda sostanzjali fil-benefiċċju tal-kera, l-iskema ta’ equity sharing għal persuni ta’ 40 sena jew aktar fost oħrajn. Proġetti li fl-aħħar mill-aħħar qegħdin ifissru ħajja aħjar. 

    Huwa dan il-mod li bih Gvern Laburista qiegħed jassigura li l-ġid li qed jinħoloq qiegħed jingħata lura lis-soċjeta.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0