Il-Propostu

  • Aww 26, 2019 08:15
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Dan l-aħħar kien il-Propostu ta’ Birkirkara li kien fl-aħbarijiet peress li esprima l-opinjoni tiegħu fuq tibdil li sar mill-Gvern biex il-prinċipju tal-ugwaljanza jiġi applikat fil-ħajja ta’ kuljum. S’intendi laqgħat l-aħbarijiet għax ma qabilx ma’ ċerti tibdiliet li saru għax li kieku qabel lanqas biss kien jissemma.  Kien hemm min stagħġeb għaliex ma qabilx.  Personalment ma stagħġibt xejn, mhux għax naqbel miegħu, iżda minħabba diversi raġunijiet.  

    L-ewwel raġuni hi li hu parti mill-Knisja.  Hawn ħafna li jimmaġinaw li l-Knisja hi xi istituzzjoni li hi demokratika u li għalhekk fi ħdana taċċetta opinjonijiet u prinċipji differenti.  Il-Knisja bħal kull reliġjon oħra għandha t-twemmin tagħha u l-prinċipji tagħha.  Dawn tkun trid iżżommhom minkejja li jkollok okkażjonijiet li dawn ma jaqblux mal-prinċipji ġenerali taż-żmien li jkun.  

    F’demokrazija ma hemm xejn ħażin li dawn iżommu l-prinċipji tagħhom basta ma jippruvawx jimponu dawn il-prinċipji fuq dawk li jew ma jemmnux f’dik ir-reliġjon jew inkella ma jaqblux ma’ dawn il-prinċipji.  

    Il-biċċa hi li f’din il-kwistjoni lanqas qed iżommu mal-prinċipji tagħhom.  Jekk nieħdu l-prinċipju tal-ugwaljanza, dan suppost li kien prinċipju fundamentali tal-Knisja jekk verament jemmnu li kull bniedem hu ugwali quddiem Alla.  Iżda meta niġu għall-prattika naraw diverġenzi kbar.  Din mhix xi ħaġa ta’ issa għaliex kienet minn dejjem.  

    Naħseb li ma hemmx nuqqas akbar lejn il-prinċipju tal-ugwaljanza akbar mill-jasar jew l-iskjavitu.  Ir-raġuni hi sempliċi.  L-iskjavitu jibdel persuna f’biċċa proprjeta’ fejn is-sid tal-proprjeta’ jista’ jagħmel li jrid b’din il-proprjeta’.  Kien għalhekk li l-iskjav seta’ jiġi sfruttat, maħqur, mibjugħ u anki maqtul mingħajr l-ebda inkwiet jew konsegwenzi.  Ir-raġuni hi li bil-jasar jew skjavitu l-iskjav ma jitqiesx aktar bħala bniedem.

    Jekk naraw l-istorja tal-Knisja fuq din il-kwistjoni, insibu li din dawret wiċċha n-naħa l-orħra għal mijiet ta’ snin.  Għall-ewwel kienet xi ħaġa aċċettabli li wieħed ikollu l-iskjavi.  Kien hemm anki papiet li kellhom l-iskjavi.  Kien biss fl-1890 li l-Knisja bdiet titkellem ċar kontra l-iskjavitu.  

    Jekk nieħdu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, in-nuqqas tal-ugwaljanza fil-Knisja għada tidher sal-lum.  Ma tantx irridu mmorru snin kbar biex niftakru li anki biex jidħlu fil-knisja, n-nisa kellhom jilbsu l-velu.  Dan biex ma nsemmux li l-ebda mara ma tista’ ssir qassis minkejja t-tagħlim li n-nisa u l-irġiel quddiemha u quddiem Alla huma ugwali.  

    Kien għalhekk li ma skantajtx bid-diskors tal-Propostu.  Kont niskanta li kieku, minn fuq il-pulptu, ħareġ jgħid li jaqbel mat-tibdil li sar dan l-aħħar biex tikber l-ugwaljanza bejn kulħadd.  

    Il-Gazzetta tal-Gvern

    Għalkemm naħseb li ftit huma dawk in-nies li ma semgħux bil-Gazzetta tal-Gvern, ftit huma dawk li kellhom l-okkażjoni li jarawha u anqas huma dawk li jaqrawha.  

    Il-Gazzetta tal-Gvern ikun fiha avviżi maħruġin mill-Gvern.  Aktar ma jgħaddi ż-żmien u aktar mal-gvernijiet ikunu attivi, aktar ikun hemm avviżi ta’ tibdil.  Il-fatt li hemm sistema fejn wieħed jista’ jara dawn l-avviżi llum fuq l-internet, hu pass ħafna ‘l quddiem.  Dan għaliex illum anki x-xjuħ/anzjani bħali, ħafna minnhom għandhom aċċess għall-internet sew id-dar u anki fuq il-mobile tagħhom.  

    Biss minkejja dan, xorta ftit jaqrawhom.  Ir-raġuni hi li llum fil-ħajja hemm ħafna affarijiet importanti u anki interessanti milli wieħed jew waħda tuża l-ħin tagħha biex tfittex u tara avviżi li l-maġġoranza tagħhom ma jkunux jinteressawhom.  

    Hu għalhekk li naqbel ħafna mas-suġġeriment li għamel Manwel Cuschieri f’wieħed mill-programmi tiegħu fejn ħeġġeġ biex dawn l-avviżi jingħataw prominenza fil-medja li għandna llum speċjalment fuq ir-radju u televiżjoni li huma mezzi li huma ffrekwentati ħafna min-nies li għal xi raġuni m’għandhomx aċċess għall-internet.

    Ma ninsewx li quddiem il-liġi, il-fatt li int ma tkunx konxju tal-liġi, int xorta soġġett għaliha u mhix skuża aċċettata li tgħid li int ma kontx taf.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0