Protesti

  • Aww 12, 2019 10:14
  • Miktub minn Alfred Sant

    Uħud jiddarsu għax qed isiru protesti dwar l-ambjent. Jissuspettaw li huma motivati minn interessi partiġġjani. Ma neħodhiex bi kbira jekk in parti, għandhom raġun, imma aħjar jikkalmaw.

    Ħaġa tajba li l-protesti jsiru, kull fejn jagħmel sens li jsiru, bħal dwar il-ħarsien tas-siġar. Ngħid dan b’sentiment ta’ ironija. Snin ilu, meta s-siġar ta’ mal-Berġa ta’ Kastilja tneħħew, naħseb kont l-uniku wieħed li ma qbiltx. Wara baqgħu jiġu sfrakassati s-siġar ta’ quddiem il-Berġa. Illum għandna pjazza li qisha l-bidu tas-Saħrawi. 

    Kulħadd jipproklama ruħu difensur qalbien tal-ambjent imma Alla jbierek, hemm mitt elf triq minn fejn tista’ tgħaddi biex kif jaqbillek, tkasbru. Id-dinamika soċjali hi l-istess waħda ta’ dejjem: ħokkli dahri u nħokklok tiegħek.

    Fiż-żmien tal-lum, fejn it-tkabbir ekonomiku baqa’ qawwi (anke jekk iwissuna li batta xi ftit), għall-ħarsien ambjentali m’hemmx dinamika agħar minn din.

    ***

    SERQ U EVAŻJONI?

    Qassis li kien fl-aħbarijiet fisser is-servizzi finanzjarji li jingħataw f’pajjiżna – u dawk tal-imħatri bl-internet – bħala ħidmiet li jmexxu l-evażjoni tat-taxxi u l-korruzzjoni. Għalhekk huma immorali. Hi l-istess kritika li ssir lil Malta (u pajjiżi bħalha) minn kelliema politikament fuq ix-xellug u l-lemin fl-Ewropa. Hemmhekk, ħafna milli jagħmluha jibqgħu bogħod milli jitħalltu mal-lemin estrem meta jressquha.

    Jeżistu raġunijiet teknikament validi għaliex ċerti servizzi finanzjarji jitħaddmu minn pajjiż bħal Malta? Jien qatt ma kont entużjast favur li das-settur jitkattar fostna, imma nemmen li hemm. Għalhekk niddejjaq meta promoturi ta’ das-settur jibqgħu lura milli jiddefenduh fuq bażi professjonali, anke meta jakkużawhom li huma “pirati”.

    Punt ieħor: matul is-snin skantajt kif il-Knisja Maltija qatt ma esprimiet xi riżerva dwar kif fostna, xterdu ħwienet tal-imħatri li ħallew ċassi lill-banek tal-lottu.

    ***

    CAMILLERI

    “Leħen il-Vjolin”: ieħor mir-rumanzi ta’ Andrea Camilleri dwar id-didektiv “tiegħu” Montalbano – ismu mrikkeb fuq tal-kittieb Spanjol Montalban, ukoll ta’ stejjer ta’didektivs, li Camilleri kien jammira. Li taqra xi ħaġa ta’ Camilleri kien mod kif tagħtih omaġġ, l-għada li tħabbret mewtu.

    Anke f’rumanz minuri bħal dan, jikteb tajjeb ħafna. Madankollu malajr tħoss li qed insegwu formola: Jinstab katavru. Kif jinstab? U ta’ min hu? – ġeneralment ta’ mara sabiħa, stuprata u maqtula bla ħniena... jew xi ħaġa hekk. Lil hemm u lil hawn ikollna l-iżvog ta’ ikla mħawra li d-didektiv jidħol għaliha biex jistrieħ mill-ħidma.

    Hi formola li mexxa tajjeb ħafna Simenon bil-kitbiet tiegħu dwar Maigret. Ta’ warajh baqgħu għaddejja biha. Inkluż Camilleri.

    Ma tlumhomx. Anke waqt li tinduna b’kif il-formola qed tirrepeti ruħha, rumanz bħal “Leħen il-Vjolin” iżommok.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0