B’riżultat ta’ ħidma kollettiva

  • Lul 24, 2019 08:48
  • Miktub minn Chris Fearne

    Huwa stat ta’ fatt li l-Gvern Laburista elett f’Marzu 2013 wara ftit inqas minn kwart ta’ seklu ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista xejn ma kellu wirt sabiħ. Biżżejjed insemmi żewġ oqsma ewlenin fil-ħajja ta’ pajjiż, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja u l-qasam tas-saħħa. Fuq livell ta’ individwi ninsab konvint li fost l-affarijiet li l-Malti u l-Għawdxi jiddejjaq bihom hemm id-djun. Il-poplu Malti u Għawdxi minn dejjem kien sensittiv dwar dan. Jippreferi ma jgħix komdu daqskemm ikun jixtieq milli jkun komdu imma moħħu kontinwament jberren li għandu jagħti. Li għandu d-dejn.

    Sfortunatament ma kinetx hekk il-mentalità ta’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti. Tant li kellna Ministru għall-Finanzi li ma kien jiddejjaq xejn jiddikjara li d-dejn tal-pajjiż m’għandu jinkwieta lil ħadd għax id-djun jitħallsu minn dawk ta’ warajna, minn wliedna u wlied uliedna. Aħna ma naqbulx ma’ dan it-tip ta’ raġunar. Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż tant kienet waħda ħażina li l-Unjoni Ewropea kienet poġġietna f’dik li tissejjaħ Excessive Deficit Procedure peress li d-deficit tal-pajjiż kien sproporzjonat mad-dħul. Proċedura li kienet tfisser li l-Baġit tal-pajjiż kien ikun jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Unjoni Ewropea biex ikun jista’ jinġieb għall-approvazzjoni tal-Parlament Malti u finalment għall-implimentazzjoni tiegħu. Ma kinetx darba l-okkażjoni fejn proposti tal-Baġit twaqqfu mill-Unjoni Ewropea bil-Gvern Malti jkollu jirrevedi l-Baġit.

    Filfatt problema ewlenija li sab Gvern Laburista mmexxi minn Dr Joseph Muscat kienet eżattament fejn jikkonċerna dan il-qasam. Ma kienx daqstant faċli għall-Gvern Laburista li jikkonvinċi lill-Unjoni Ewropea li l-pajjiż kien se jbiddel ir-rotta. It-tweġiba tagħhom kienet tkun li ta’ qabilkom hekk kienu jgħidulna u qatt ma żammew kelmthom. Meta finalment ingħatajna ċans ieħor kemm tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-poplu Malti u Għawdxi setgħu jaraw li Gvern Laburista kelmtu jżommha u r-rotta verament inbidlet. Biżżejjed jingħad li filwaqt li fi tmiem is-sena 2011  id-Dejn Nazzjonali kien jammonta għal 70.2% tal-Prodott Domestiku Gross, fi tmiem is-sena li għaddiet dan il-persentaġġ tniżżel għal 46%. Huma riżultati bħal dawn flimkien ma’ passi kbar fil-qasam ekonomiku, fl-attirazzjoni ta’ aktar investiment barrani li wasslu biex aġenziji ewlenin ta’ kreditu kollha għollew il-credit rating tagħhom fejn jidħol pajjiżna.

    Din mhix perċezzjoni. Din mhix ħolma. Din mhix storja fittizja. Din hija attwalità li apparti dak li jgħidu l-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu, in-negozji Maltin u Għawdxin, il-poplu Malti u Għawdxi, qegħdin ngħixuha. Hija realtà li ma waqgħetx mis-sema. Ma ġietx waħedha. Ħdimna għaliha lkoll flimkien, bl-investitur Malti u barrani jkattru l-fiduċja fl-amministrazzjoni tal-pajjiż, joħolqu x-xogħol, ikattru l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin b’tali mod li l-problema tal-lum mhix li m’hawnx xogħol biżżejjed imma li għax-xogħol li hawn m’hawnx ħaddiema biżżejjed.

    Il-Gvern jinsab determinat f’ħidmietu biex jinżammu dawn il-livelli għax huwa b’hekk li jkun jista’ joktor il-ġid u dan ikun jista’ jilħaq lil kulħadd kemm direttament kif ukoll indirettament permezz ta’ miżuri oħrajn, bħalma huma s-servizzi tas-saħħa, għall-benefiċċju ta’ kull wieħed u waħda minna. Li ma kienx għall- progress ekonomiku u finanzjarju li għamilna ma kienx ikun possibbli biex ngħollu l-livell tal-qasam tas-saħħa fil-livell li hu llum. Ma kienx ikun possibbli li l-problema ta’ nuqqas ta’ mediċini tkun storja passata. Ma kienx ikun possibbli li l-isptar ewlieni tagħna ngħammruh bl-aħħar żviluppi teknoloġiċi. Ma kienx ikun possibbli li fejn mhux possibbli li l-pazjent Malti u Għawdxi jingħata l-kura f’pajjiżna nkomplu nibagħtuh barra minn xtutna. Ma kienx ikun possibbli li s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna jiġi klassifikat fost l-aqwa għaxra tad-dinja.

    Is-suċċessi f’dawn iż-żewġ oqsma u magħhom suċċessi f’oqsma oħrajn ikomplu jistimulawna naħdmu b’risq il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0