PJAN... PROĊESS SERJU... TAXXA FUQ IT-TITJIRIET

  • Lul 18, 2019 09:01
  • Miktub minn Alfred Sant

    PJAN

    Dan l-aħħar kitibli ħabib tiegħi li jgħix barra: Veru li pajjiżna sejjer tajjeb ħafna u ma jidhirx li dan it-titjib se jieqaf zobtu, qal. Ġejt ftit ilu u skantajt b’kemm hemm attività għaddejja u b’kemm qed jiżviluppaw inizjattivi ta’ kull xorta. Tassew impressjonajt ruħi.

    Imma, kompla – u f’dan it-tip ta’ randikont, dejjem se tiltaqa’ ma’ xi “imma” – jidher li dan kollu qed iseħħ f’ġirja bla pjan, kollox tielaq għal rasu. Ilu hekk. Jidher li jista’ jibqa’ għal xi żmien. 

    Neħtieġu pjan, sostna, biex dak li qed jitwettaq ma jfurx u jagħli. Pajjiżna żgħir wisq, isibha ħaġa diffiċli biex jilqa’ għal jekk it-tkabbir ekonomiku li għaddej, jaħrab minn kull kontroll.

    Forsi – kif qalli xi ħaddieħor – dawk li jgħixu barra jinkwetaw wisq aktar fuq li jinsab għaddej fostna, milli nagħmlu aħna li ngħixu hawn?

    PROĊESS SERJU 

    Nemmen li l-proposti li jiġu mill-Kunsill tal-Ewropa għandhom jingħataw kull kunsiderazzjoni f’diskussjoni ħielsa bejn il-Maltin. Jekk jinstab li huma ta’ fejda, jitwettqu wkoll f’pajjiżna skont iċ-ċirkostanzi tagħna. Kollox b’sentiment sħiħ ta’ rieda tajba u trasparenza totali...

    Għalhekk ma nifhem xejn lil dawk li jippretendu li għandna nqisu l-pronunzjamenti tal-Kunsill tal-Ewropa, isiru kif isiru, qishom kienu xi Vanġelu. Per eżempju, ma nifhimx kif jistgħu jittieħdu bħala li joħolqu minnufih xi żona kostituzzjonali ġdida f’pajjiżna li trid tingħata għarfien mill-qrati Maltin bħala viġġenti u tassattiva.

    Dwar is-“suġġerimenti” li jsirulna minn barra, jeħtieġ niżguraw proċess nazzjonali serju ta’ evalwazzjoni, dibattitu u deċiżjoni li ma jkollu xejn awtomatiku fih, la naħa u lanqas oħra.

    TAXXA FUQ IT-TITJIRIET

    Bdiet fl-Olanda imma hemm possibiltà li tinfirex. Fuq il-fjuwil li jużaw l-ajruplani (u l-vapuri) ma titpoġġiex taxxa. Mentri fuq dik li jużaw karozzi u trennijiet, iva. Dan qed ipoġġi t-trasport bl-art fi żvantaġġ. Qed jippromwovi turiżmu “sfrenat” li hu ta’ ħsara għall-ambjent. Allura il-mezzi ta’ trasport bl-ajru għandhom jiġu ntaxxati aktar. Hekk qed jintqal.

    Il-proposta li qed titħaddem fl-Olanda hi ta’ taxxa fuq il-fjuwil u oħra addizjonali fuq it-tluq mill-ajruporti. Pajjiżi oħra, bħal Franza, qed jitħajru.

    L-intenzjoni hi li l-biċċa tinxtered mal-bqija tal-Ewropa bħala miżura ta’ ħarsien tal-ambjent. Għaqdiet tal-konsumaturi, tas-sidien ta’ vapuri u nistħajjel dalwaqt ta’ kumpaniji tal-ajru qed jipprotestaw. Rappreżentanti tagħhom diġà żaru lili fost deputati Ewropej oħra dwar dil-ħaġa.

    Min-naħa Maltija sa issa ma smajt xejn. Biss il-miżura ta’ tassazzjoni fuq vjaġġi bl-ajru li qed tiġi mbottata jkollha effett negattiv fuq gżejjer u destinazzjonijiet turistiċi imbegħda. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0