Mediċini

  • Lul 14, 2019 13:36
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Wieħed mill-prinċipji tal-Unjoni Ewropea hu li jkun hawn suq wieħed.  Dan ifisser li ma jkunx hemm barrieri bejn pajjiż u ieħor u s-Suq ikun wieħed.  Jekk is-Suq ikun qed jaħdem tajjeb il-prezz ikun  bejn wieħed u l-ieħor viċin ta’ xulxin.  

    Il-kumpaniji jafu li dan mhux fl-interess tagħhom li jkun hekk.  Ir-raġuni hi li meta jiġri hekk ifisser li dan ikun l-aktar prezz baxx possibbli.  Strateġija ta’ kull kumpanija li tesporta hi li s-Suq ikun maqsum f’biċċiet biex huma jkunu jistgħu jkabbru l-profitti tagħhom għaliex il-prezz ikun wieħed li tiflaħ kull biċċa tas-suq.  Biex nagħti eżempju, xi ftit tas-snin ilu, kumpanija Maltija li timmanifattura l-gallettini barra Malta kienet tbiegħ dawn il-gallettini wkoll fl-Irlanda.  Peress li l-Irlanda hemm kompetizzjoni ħafna aktar qawwija minn Malta, il-prezz fl-Irlanda kien madwar 20 ċenteżmu anqas mill-prezz f’Malta.  Dan għaliex li kieku kienet tipprova tbiegħ dawn il-gallettini bil-prezz ta’ Malta, żgur li ma kinitx tbiegħ daqshekk.  Ma jfissirx li meta kienet qed tbiegħ l-Irlanda kienet qed tagħmel xi telf.  Kien ifisser li f’Malta kienet qed tagħmel profitt akbar.

    Dan li semmejt hu biss eżempju żgħir. Żewġt swieq li n-numru tal-kumpaniji li jimmanifatturaw il-prodott hu żgħir komparat mas-suq, huma s-suq tal-karozzi u tal-medicini.  Waħda mill-affarijiet li jagħmlu biex ikabbru l-profitti tagħhom hu bħal dak li semmejt aktar ‘il fuq.  Il-frażi teknika hi ‘market segmentation’.  Din hi xi ħaġa li tmur kontra l-kompetizzjoni.  Biss dawn il-kumpaniji peress li huma kbar ħafna u jagħmlu profitti enormi, għandhom lobby kbir ħafna fi Brussell.  Fil-fatt l-UE kienet bdiet tieħu xi passi fis-suq tal-karozzi u xi snin ilu kienet toħroġ statistika biex turi d-differenzi kbar li hemm fil-prezzijiet u kienet tagħti pubbliċita’ kbira.  Illum il-lobby tal-manifatturi tal-karozzi hu kbir u naqqasna ħafna mill-pubbliċita’.

    Is-suq tal-mediċini hu aktar iddominat minn ftit kumpaniji.  Barra minhekk minħabba l-lobby li għandhom l-UE tħallihom fil-liberta’ li jiffissaw prezzijiet li jkollhom differenza kbira tal-prezzijiet skont il-pajjiż.  Minħabba f’hekk issib li l-istess mediċina tinbiegħ bi prezzijiet differenti f’pajjiżi tal-UE.  Il-konsumaturi jafu b’dan u ssib li ħafna konsumaturi, speċjalment dawk li joqogħdu qrib il-fruntiera ma’ pajjiż ieħor fejn il-prezzijiet huma orħos, kull meta jkollhom bżonn il-mediċini jixtruhom mill-pajjiż ġar.  

    F’pajjiżi oħra speċjalment dawk li jkunu gżejjer issib li l-konsumaturi jixtru l-mediċini minfuq l-internet.  F’Malta dan jiġri wkoll u kien qed jiżdied.  Dan l-aħħar dan naqas peress li l-Maltapost dan l-aħħar xhur bdiet tiċċarġja 5 Euros biex pakkett jintbagħad għand tal-Port Health biex japprovawh.  Personalment ma naqbilx ma’ dan għaliex safejn naf jien meta int tirċievi xi ħaġa bil-posta hu dak li jibgħatha li jħallas u mhux il-konsumatur li jirċievi.

    F’Malta kienu diġa’ ttieħdu xi passi biex il-prezzijiet tal-mediċini ma jkunux esaġerati.  Fil-fatt il-gvern kien ħoloq mekkaniżmu li meta l-prezz ta’ xi mediċina tkun għolja, isir ftehim mal-importatur biex il-prezz jorħos u jersaq lejn il-medja tal-prezz li tkun qed tinbiegħ dik il-mediċina fi swieq Ewropej.

    Biss issa sar pass ieħor li beda meta Malta kellha l-Presidenza tal-UE.  Fil-fatt kien din il-ġimgħa li 10 pajjiżi fl-UE li ġejjin min-naħa tal-Mediterran iltaqgħu Malta u s-suġġett kien proprju dan.  Kif dawn il-gvernijiet jistgħu jikkoperaw bejniethom biex meta jinnegozjaw il-prezz tal-mediċini jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jinnegozjaw prezz tajjeb.  Dan hu pass importanti għaliex ma rridux ninsew li l-gvern, biex iħaddem is-servizz mediku u speċjalment minħabba l-mediċini b’xejn li l-gvern jagħti lill-pazjenti jew nies li jkunu jbatu b’xi kundizzjoni,  qed joħroġ pataflun ta’ miljuni kull sena.  Għalhekk aktar mal-gvern ikun f’pożizzjoni li jinnegozja, aktar dan is-settur ikun sostenibbli.

    Min-naħa tal-UE ma tantx nistgħu nistennew affarijiet minħabba l-lobby qawwi li għandha din l-industrija fi Brussell.  Tajjeb niftakru li xi snin ilu l-UE kienet għamlet stħarriġ fuq l-industrija peress li dawn dejjem jargumentaw li jekk il-prezz tal-mediċini ma jkunx għoli huma ma jkunux jistgħu jagħmlu riċerka biex jiżviluppaw mediċini oħra.  Għalhekk wieħed kien jistenna li l-akbar nefqa f’din l-industrija hi fuq ir-riċerka.  Instab li fil-fatt, din l-industrija tonfoq aktar fuq ir-reklamar milli fuq ir-riċerka.  Kien intqal li ser ikun hemm aktar investigazzjoni fuq din l-industrija.  Biss s’issa ma nstema’ xejn.  Ma naħsibx li nisimgħu minħabba l-influwenza ta’ din l-industrija.

    Dan kollu jitfa’ aktar importanza fuq dak li nbeda fil-Presidenza u jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn dawn l-10 pajjiżi biex il-prezzijiet tal-mediċini jkunu aktar raġonevoli.

    Il-Lingwi 

    Dan l-aħħar tħabbru xi tibdil fl-edukazzjoni.  Waħda minn dawn it-tibdiliet tolqot lill-Matsec.  Jidher li l-aktar waħda kontroversjali kienet li student irid jibda jġib Intermediate Level f’lingwa.  Dan barra l-ħtiġiet li hemm dwar il-lingwa Maltija u l-Ingliż.  Kien hemm ħafna kummenti li ma qablux li għandu jkun hemm lingwa oħra minħabba li din ser tikkomplika l-affarijiet għall-istudenti speċjalment dawk li m’għandhomx orjentazzjoni għal-lingwi.

    Nibda billi ngħid li jien wieħed li m’għandix din l-orjentazzjoni għax aktar jogħġbuni l-matematika u x-xjenza.  Biss fuq il-ħtieġa li l-istudenti tagħna jitgħallmu lingwa oħra, naqbel perfettament.  Ħafna mill-argumenti li smajt kienu li min ser imur għax-xjenza, matematika, inġinerija u anki professjonijiet bħal accountant jew tabib m’għandux bżonn il-lingwi barra l-Ingliż.

    Jekk nieħdu professjonijiet bħal xjenzat, inġinier, perit jew tabib, dawn għandhom bżonn tal-lingwa kważi kuljum. Xjenzat, fl-aħħar mill-aħħar, ikun irid jikteb paper fuq dak li jiskopri.  Inġinier, perit u tabib iridu jiktbu rapporti kważi l-ħin kollu.  Jekk ma jkollhomx kmand tajjeb tal-lingwa, ix-xogħol tagħhom kważi jiżvinta fix-xejn.  Li jkollok kmand ta’ lingwa oħra, ifisser li għandek ftuħ akbar.  Ifisser li s-suq tiegħek mhux biss għall-Maltin u l-Ingliżi imma għal klijenti b’lingwi oħra.  

    Jekk nieħdu l-management u xogħol ieħor f’din il-linja, insibu li l-korsijiet terzjarji tagħna għandhom nuqqas għaliex l-istudenti f’dawn il-korsijiet m’għandhom l-ebda ħtieġa li jitgħallmu lingwa oħra.  Jekk naraw kif inhuma korsijiet barranin insibu li mhux biss iridu jitgħallmu lingwa oħra, iżda li jridu jmorru jagħmlu internships mill-anqas f’żewġ pajjiżi oħra barranin biex jieħdu esperjenza f’sistemi differenti ta’ dawn il-pajjiżi permezz tal-lingwa li jkunu tgħallmu.  

    Jien nemmen li jekk aħna rridu li wliedna jkunu kapaċi li jaħdmu f’pajjiżi oħra, jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra u jkunu jistgħu jużaw l-opportunitajiet li joffru dawn il-pajjiżi, il-lingwi huma essenzjali u mhux piż.

    L-importanza ta’ dan narawh fl-ekonomija Maltija.  Din kibret għaliex il-Gvern preżenti mhux biss għandu viżjoni tal-futur, iżda għaliex qed naraw li s-suq tagħna m’għadux biss Malta, iżda d-dinja kollha.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0