Il-Bini

  • Ġun 22, 2019 08:45
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Il-bini f’Malta ilu fil-kontroversja.  Bil-problemi li nqalgħu dan l-aħħar ġabu din il-problema fiċ-ċentru tal-attenzjoni.  

    Dawn l-inċidenti ġabu reazzjoni qawwija sew min-nies u sew mill-Gvern.  Din hi xi ħaġa tajba għaliex hemm bżonn ta’ titjib f’dan il-qasam.  Ir-reazzjoni tal-Gvern kienet waħda immedjata, f’waqta’ u qawwija.  Il-Gvern, kontra dak li kien jiġri qabel,  ma qagħadx ipaċpaċ biss iżda ħa azzjoni immedjatament.   Il-fatt li waqqaf ix-xogħol tat-twaqqigħ u l-iskavar tal-bini kien sinjal qawwi li l-Gvern irid serjeta’ u dixxiplina f’dan il-qasam bħal f’oqsma oħra.  Il-Gvern ħareġ konsultazzjoni li tintemm din il-ġimgħa stess biex wara jieħu l-azzjonijiet li hemm bżonn.  Diġa’ indika dak li għandu f’moħħhu.  Li niskanta hu kif l-awtoritajiet li għandna qatt ma ġibdu l-attenzjoni li hemm bżonn ta’ tibdil fil-mentalita’ speċjalment li kulħadd irid ikun responsabbli.  Dan mhux biss ser isir fuq l-operaturi iżda wkoll fuq l-istituzzjonijiet tal-Gvern biex jaħdmu b’aktar effettivita’ u responsabbilta’.

    S’intendi din ġabet reazzjoni sew pożittiva u sew negattiva.  Qrajt b’żewġ reazzjonijiet li ma naqbilx magħhom.  L-ewwel hi qed ikollna ħafna bini u li hemm bżonn li nnaqqsu kemm jista’ jkun.  L-aktar ħaġa li tiskantani hi li dawn huma l-istess nies li jgergru u jipprotestaw għax il-kirjiet u l-prezz tal-bini sploda ‘l fuq.  Li mhux qed jirrealizzaw hi li jekk innaqqsu l-bini u t-tiġdid tal-bini l-prezzijiet aktar ser jisplodu ‘l fuq.  It-tiġdid tal-bini hu importanti għal żewġ raġunijiet.  L-ewwel biex inkabbru l-akkomodazzjoni mingħajr ma nieħdu art ġdida.  It-tieni qed insolvu l-problema li kellna ftit snin ilu li kellna ħafna binjiet vojta għaliex ma kienux addattati għal dak li jistennew in-nies illum.

    Ir-reazzjoni l-oħra hi min-naħa ta’ ċerti operaturi.  Tajjeb li nsemmgħu li hemm oħrajn li jridu titjib fil-kwalita’ tax-xogħol u jaqblu mar-riformi.  Kien hemm min gerger għax dawn ir-riformi ser itawlu x-xogħol u għalhekk jitwal id-dewmien fil-bini.  

    Id-dewmien li ser jinvolvi din ir-riforma ġab ukoll kummenti fejn kien hemm kuntratturi li qalu li mhux sewwa li jeħel kulħadd.  Fil-fatt s’issa għadu ma weħel ħadd għax dan il-perjodu mhux kastig, iżda perjodu fejn hemm konsultazzjoni.  Naħseb li kieku ma kienx hemm konsultazzjoni ħoll xagħrek u ġib iż-żejt bit-tgergir li jkun hawn.  Dan il-perjodu jagħti ċans lil kull kuntrattur li jagħti l-opinjoni tiegħu.  Nittama li jsir dan biex il-pożizzjoni ta’ kull min hu involut tiġi meqjusa.  

    Kumment ieħor kien li dan id-dewmien ser jolqot lill-konsumaturi.  Naħseb li l-ebda konsumatur ma hu kontra li s-sistema preżenti li kellha impatt negattiv fuq il-konsumaturi tiġi rranġata biex l-interessi tal-konsumaturi jiġu mħarsa.  Fuq id-dewmien naħseb li jekk jitkellmu dawk il-konsumaturi li ntlaqtu minn dewmien joħorġu ħafna aktar affarijiet fosthom li, ħafna drabi, sfortunatament dawn mhux qed jingħataw pariri tajba meta jidħlu f’kuntratt.  Ir-raġuni hi li meta jidħlu f’kuntratt minkejja li jkun hemm id-data ta’ meta għandu jgħaddi għand il-konsumatur, ma jkun hemm l-ebda multa fil-kuntratt jekk dan il-post mixtri ma jingħatax fil-ħin.  

    Biss il-bini ilu f’ħalq in-nies.  Ftit snin ilu din il-problema kienet dwar l-għoli tal-bini.  Bdejna nibnu bini għoli fejn qabel il-maġġoranza tal-bini kien żewġ jew tliet sulari għoli.  Ħafna nies bdew igergru.  Personalment qatt ma kont kontra bini għoli u din għalija kienet kontroversja zoppa.  

    L-ewwel ħaġa, irridu nirrealizzaw li Malta hi żgħira u li kieku konna ser nibqgħu nibnu bini baxx konna ser noħolqu problema kbira.  Dan għaliex aktar ma jkun hemm domanda aktar il-prezz tal-bini kien ser jogħla.  Fil-fatt meta ma laħħaqniex mad-domanda l-prezz sploda ‘l fuq.  

    It-tieni fattur kien li meta ser tibni għandek tliet direzzjonijiet.  Jew tibni baxx u tifrex fuq mhedda akbar tal-art jew inkella titla ‘l fuq jew tinżel l-isfel.  Li tinżel l-isfel naħseb li ħadd ma jrid illi jkollu d-dar tiegħu taħt l-art.  Mela jibqa’ żewġ direzzjonijiet.  Jekk tifrex ma kienx ser jibqalna pulzier ta’ kampanja.  Naħseb li ħadd ma jrid dan għaliex il-problema ta’ spazji miftuħa kienet diġa’ qed tinħass sew.  Mela l-unika soluzzjoni biex inżidu l-bini hu li titla’ l’fuq.  

    Bħal ma ktibt qatt ma kont kontra l-bini għoli għaliex trabbejt il-Belt.  Jekk kien hemm karatteristika li tiddistingwi l-Belt kienet il-bini għoli.  Meta kien hemm din il-kontroversja, l-akbra argument kien li qed nirrovinaw l-iskyline.  Dan jiġri għaliex l-awtorita’ li tagħti l-permessi għal bini ġdid ma tantx tagħti każ id-disinn tal-bini mal-ambjent tal-madwar.  Li kieku tagħti każ din il-problema ma tinqalax.  Bħal ma semmejt il-Belt hemm armonija fil-bini minkejja li l-bini hu għoli ħafna.  

    Jien ma tantx nemmen fir-regolazzjoni.  Biss ma jfissirx li nemmen li kulħadd jagħmel li jrid.  Nemmen f’regolazzjoni bilanċjata.  Fis-settur tal-bini nemmen li għandna bżonn aktar regolazzjoni u mhux anqas għax ftit għandna.  Dan in-nuqqas mhux biss f’dan il-qasam jeżisti iżda f’ħafna oqsma oħra.  Biex nagħti ftit eżempji, biex niftaħ mastrudaxxa, hairdresser, kaħħal jew bennej ftit li xejn għandna regolamenti.  Prattikament nista’ qatt ma nkun għamilt dan ix-xogħol u mingħajr taħriġ niftaħ negozju f’dan il-qasam.  Il-konsegwenza ta’ dan hu l-ilmenti li jkollhom ħafna konsumaturi meta jqabbdu lil xi ħadd biex jagħtihom servizz f’dawn l-oqsma.    Biex ngħidu kollox bħalissa l-Ministeru tal-Edukazzjoni flimkien ma’ Ministeri oħra qed jagħmel sforz qawwi biex ikun hemm standards.  

    Biex nerġgħu niġu għall-bini anki f’dan il-qasam qed isir sforz biex il-ħaddiema li jaħdmu f’dan il-qasam jilħqu ċertu standards li jkunu ċertifikati.  Din hi xi ħaġa tajba u hemm bżonn li nkomplu naħdmu  biex intejbu dawn l-affarijiet.  Dan l-isforz dan l-aħħar snin beda jilħaq numru ta’ setturi fosthom il-bini.

    Nemmen li dawn l-isforzi għandhom ikomplu biex intejbu l-affarijiet għall-ġid tal-konsumaturi speċjalment meta l-Gvern qed jgħin, mhux biss bil-kliem iżda bi skemi u għajnuna finanzjarja, biex aktar familji jsiru sidien ta’ djarhom.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0