Aktar b’risq il-persuni b’diżabilità

  • Mar 20, 2019 08:00
  • Miktub minn Chris Fearne

    Bogħod minn kull retorika partiġjana ma tistax ma tħossokx sodisfatt meta tara l-imbuttatura li l-Gvern qiegħed jagħti lill-persuni b’diżabilità. Sinċerament kull tant nistqarr miegħi nnifsi: imma li tgħin lil min hu batut mhix loġika? Hekk hu, imma sfortunatament l-istorja turina li din il-loġika ftit li xejn ħadmet. Ħarsa lura lejn is-snin turik li kien hemm żmien fejn kien hawn min iħossu “diżonorat” li fil-familja jkollu lil xiħadd ibati minn xi diżabilità. Tant huwa hekk, illi persuni bħal dawn kienu jaħbuhom minn għajn in-nies. Ma kontx tarahom barra. Mhux għax huwa diżunur li jkollok lil xiħadd fil-familja li jkun ibati minn xi diżabilità imma sfortunatament hekk kienet it-tendenza. Fir-realtà sar magħruf kemm għandna persuni jbatu minn xi diżabilità meta kienu tħabbru l-ewwel benefiċċji soċjali għalihom u allura riedu jiġu reġistrati mad-dipartiment konċernat.

    Imma dak huwa passat. Issa rridu nħarsu lejn il-preżent u lejn il-futur b’risq u għall-ġid ta’ persuni bħal dawn. B’sodisfazzjon għal kulħadd illum is-sitwazzjoni nbidlet għal waħda ferm aħjar anke jekk mhux dejjem ikun daqstant faċli. Illum qiegħed isir dak kollu possibbli biex ma jkun hemm ebda forma ta’ ‘segregazzjoni’. Komplejna nibnu fuq dak li sibna u ħloqna aktar possibiltajiet biex kemm f’dik li hija edukazzjoni kif ukoll f’dak li huma opportunitajiet ta’ impjiegi persuni b’diżabilità jkunu fuq l-istess livell ta’ ħaddieħor.

    U huwa ta’ sodisfazzjon meta tara li n-numru ta’ persuni b’diżabilità  li qegħdin ifittxu xogħol adattat għalihom qiegħed dejjem jonqos. Tifraħ x’ħin tara ċ-ċifri ta’ persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol dejjem qegħdin jiżdiedu. Inħossuna onorati li ħloqna skemi speċifiċi għal min iħaddem biex ikun aktar possibbli li jkunu impjegati persuni b’diżabilita. Min ma jkunx irid jikkonforma ruħu ma’ dak li tgħid il-liġi f’dan ir-rigward irid jikkumpensa finanzjarjament għall-benefiċċju tal-istess persuni. Mhux kull diżabilità tippermetti li min ikun milqut minnha xorta waħda jista’ jidħol fid-dinja tax-xogħol. Fejn ma jkunx possibbli li jsir dan allura qegħdin naraw kif nistgħu ngħinu lill-familji konċernati biex jitħaffef il-piż li jkunu qegħdin iġorru, inkluż dak finanzjarju. Huwa għalhekk li intlaqa’ ferm tajjeb dak li ħabbar il-Ħadd li għadda l-Prim Ministru Joseph Muscat fejn jikkonċerna allowance li tingħata lil persuni b’diżabilità li ma jkun hemm ebda ċans għalihom li joħorġu jaħdmu, allowance li se tiżdied għall-ammont ta’ dik li hija l-Paga Minima Nazzjonali.

    Għamilna wkoll avvanzi kbar ‘il quddiem biex qegħdin jinfetħu u nipprovdu residenzi apposta biex fihom jgħixu persuni b’diżabilità imma li kapaċi biżżejjed biex jgħixu ħajja indipendenti. Il-fatt li jkunu qegħdin jgħixu b’mod indipendenti jkattar fihom is-sens ta’ dinjità.

    Ma tistax ma tħossokx sodisfatt tara persuni li jkunu jbatu minn xi forma ta’ diżabilità fiżika li joffru lilhom infushom għas-servizz tal-lokalità bħalma qegħdin nesperjenzaw għall-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ta’ Mejju li ġej fejn se jkunu qegħdin jikkontestaw numru ta’ persuni b’diżabilità.

    Hemm ukoll il-qasam sportiv. Għandna għalfejn inkunu kburin bl-atleti tagħna fost il-persuni b’diżabilità li pparteċipaw fl-Olimpjadi Speċjali li saru f’Abu Dhabi fejn l-atleti tagħna mhux biss ipparteċipaw imma pparteċipaw b’suċċess kbir.

    Ħidma mifruxa fuq dawn id-diversi aspetti tal-ħajja twassal għal dak li għandu jkun fil-mira ta’ kulħadd: persuna b’diżabilità hija daqs u bħal ħaddieħor. Kull min jaħdem għal dan il-għan għandna nirringrazzjawh u nagħtuh l-għajnuna u l-appoġġ kollu meħtieġ u mistħoqq. Dan huwa li qegħdin nagħmlu u se nkomplu nagħmlu bħala Gvern.

    Il-massakru f’New Zealand

    Il-massakru li twettaq fi Christchurch, New Zealand, nhar il-Ġimgħa li għadda xxokkja lid-dinja kollha. Dak li twettaq fi Christchurch daqs kemm huwa imdemmi u fatali huwa kodard u kundannabbli mingħajr ebda riserva. Ebda karnaġġjon, ebda twemmin reliġjuż jew politiku, m’għandu jitqies superjuri għall-ieħor. Kull bniedem, hu min hu, għandu jkollu kull dritt ta’ twemmin, politiku jew reliġjuż bla ma jkun ta’ tfixkil jew periklu għal min ma jemminx dak li jemmen hu. Huwa b’sentimenti bħal dawn li abbażi tagħhom jirrenjaw il-paċi u l-ugwaljanza fost il-popli.

    Bħalma kelli l-okkażjoni nagħmel fis-Seduta Parlamentari ta’ nhar it-Tnejn li għadda rrid f’isem il-poplu Malti u Għawdxi inwassal il-kondoljanzi u s-solidarjetà tagħna lill-Gvern u poplu ta’ New Zealand f’dan il-mument traġiku li għaddejjin minnu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0