VIŻJONI

  • Set 12, 2016 11:22
  • Miktub minn

    Artikolista f’gazzetta lokali kiteb li l-gvernijiet f’Malta ma jkollhom l-ebda sens ta’ viżjoni għall-futur, b’eċċezzjoni waħda: dik tal-amministrazzjoni ta’ Fenech Adami meta telqet bil-kumpass li ddaħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea bħala membru sħiħ.

    Ftit tista’ ssib eżempju aqwa ta’ kif l-elitiżmu lemini f’pajjiżna jfittex li jikteb l-istorja skont kriterji u valuri klassisti, u barra minnhom xejn ma jeżisti. X’ridikolaġni!

    Il-kittieb involut jidher li ma jafx, jew nesa, jew ma jqisx li kienu jeżistu: l-gvern Laburista tas-snin erbgħin, li telaq biex idaħħal il-welfare state; lill-gvern Laburista tas-snin ħamsin, bil-viżjoni dinamika li jimmodernizza lil dil-gżira; u l-gvern Laburista tal-ewwel nofs tas-snin sebgħin, bil-viżjoni biex Malta ma tiddependix aktar fuq il-ħidma ta’ bażi militari barranija.

    Nesa wkoll, min jaf għaliex, l-amministrazzjoni Nazzjonalista tas-snin sittin, li bid-difetti kollha tagħha, kellha l-viżjoni li tagħmel suċċess mill-Indipendenza.  

    ***

    WIRT URBAN

    Naħseb li qed jagħmlu tajjeb dawk l-għaqdiet ċivili li qed ifittxu li joħolqu kuxjenza dwar il-wirt urban. Madankollu, għal ħafna minna, l-ambjentaliżmu jirrigwarda l-aktar l-ispazji naturali li matul is-snin, baqgħu jonqsu u jinqerdu.

    Imma l-ħtieġa li nikkonservaw is-sabiħ treġi wkoll għall-mibni storiku. Veru li l-għajxien tal-bniedem hu storja ta’ bidla li xejn ma jista’ jwaqqaf. Min-naħa l-oħra, li neqirdu biex nibdlu sakemm kull ħaġa li naraw madwarna tispiċċa tirrifletti r-realtajiet tal-lum fl-ikrah u fis-sabiħ, ma tidhirlix mira aċċettabbli.

    Il-bniedem hu annimal li jgħix bil-memorji tiegħu. Mhux biss dawk li jsostni fil-kuxjenza tiegħu, imma wkoll dawk konkreti li jgħix fihom u madwarhom.

    Kieku l-ispazju urban kellu jinbidel bla waqfien, il-bnedmin se jsibu li donnhom reġgħu lura għaż-żmien tan-nomadiżmu.

    ***

    BRATISLAVA

    Fi ftit ġranet oħra, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea se jiltaqgħu fi Bratislava biex jaraw kif se jilqgħu għall-isfidi futuri, mhux l-anqas dawk ikkawżati mill-Brexit. Fl-aħħar ġimgħa fi Brussell, smajt għadd ġmielu ta’ nies li jafu xinhu għaddej, ibassru li l-laqgħa mhi se tasal imkien.

    Laqatni l-pessimiżmu tagħhom. Qed ibassru żmien ta’ immobiliżmu għall-Unjoni Ewropea għax mhux se jkun hemm kunsens bejn il-mexxejja dwar id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu.

    Imbagħad jidħolli suspett li min qed jgħid hekk għandu l-preferenzi tiegħu għal x’deċiżjonijiet jeħtieġ jittieħdu. Pereżempju x’aktarx issib li l-istess nies li qed jgħidu dan, jilmentaw li r-Renju Unit imissu minnufih japplika ħalli joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

    Donnu hemm min irid jgħaġġel. Irid juża l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni biex jimbotta ’l quddiem aġenda ta’ miżuri ġodda federalisti fl-Unjoni Ewropea. Niddubita kemm din tista’ tkun strateġija għaqlija.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0