97% tal-każi mressqa quddiem l-Ombudsman implimentati

    Fl-2018, minn 290 każ tal-Ombudsman u l-Kummissarji tiegħu, 264 każ ġew ikkunsidrati filwaqt li 26 tqiesu bħala invalidi. L-Amministrazzjoni Pubblika għalqet 97% tal-każi b’mod tajjeb u implimentat dawk ir-rakkomandazzjonijiet li ġew ippreżentati lilha. Kienu biss ħames każi li ngħalqu fejn ir-rakkomandazzjoni ma ġietx implimentata. 

    Dan ħabbru s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar f’konferenza tal-aħbarijiet  li matulha nieda t-tieni pubblikazzjoni li tagħti t-tweġiba tal-amministrazzjoni pubblika għar-rapport annwali maħruġ mill-Uffiċċju tal-Ombudsman Parlamentari. 

    Is-Sur Cutajar spjega kif mill-każijiet ikkunsidrati, 189 każ ġew investigati u ngħalqu.  Qal li minbarra dawn, ingħalqu wkoll 57 każ ieħor li kienu pendenti mis-snin ta’ qabel. 

    “Każijiet pendenti mill-2018 kien hemm 75 li minnhom 22 qed jistennew azzjoni mill-Ministeri, żewġ każijiet huma preżentament sospiżi minħabba proċeduri fil-Qorti filwaqt li 51 każ jinsabu pendenti quddiem l-Ombudsman,” żied jispjega s-Segretarju Permanenti Ewlieni.