Oħt Ronaldo “tattakka” lil Maurizio Sarri

    Wara li l-istilla Portugiża Cristiano Ronaldo skorja hat-trick għal pajjiżu fir-rebħa ta’ 6-0 li kisbu kontra l-Litwanja, tkellmet oħt l-istess attakkant ta’ 34 sena, Katia Aveiro.

    Fil-fatt fuq messaġġ li ħarġet fil-profil tagħha fuq Instragram Aveiro kitbet hekk:

    “Ma ħija ma tiċċajtax! Ninsab kburija li jien oħtu!”

    Din is-sentenza tidher li hi botta fina u sarkastika fil-konfront tal-coach ta’ Juventus Maurizio Sarri li fl-aħħar żewġ logħbiet kontra Lokomotiv Moscow u AC Milan issostitwixxa lill-istess Ronaldo ma’ Paulo Dybala li rriżulta determinanti għar-riżultat finali.

    Kif inhu magħruf, Ronaldo xejn m’apprezza s-sostituzzjoni kontra r-Rossoneri tant li telaq ‘il barra mill-ground bla kliem u bla sliem mingħajr ma ħa b’idejn ħadd.

    Biex tkompli ma’ Katia Aveiro, indaħlet fin-nofs oħtu ż-żgħira Ema li wkoll xtaqet tgħaddi dan il-messaġġ:

    “Alla ma jfallix. Issa li jinsab tajjeb, x’se jiġri?”

    Sadanittant Ronaldo skorja t-98 goal għal pajjiżu u jinsab biss żewġ goals ‘il bogħod milli jgħaqqad il-mija.