Mattia Destro mal-club Ċiniż Shenzen FC?

    Il-coach ta’ Shenzen FC, Roberto Donadoni, kellem lid-diriġenti tal-club sabiex jippruvaw jakkwistaw is-servizzi tal-attakkant ta’ Bologna, Mattia Destro.

    Dan jista’ jseħħ f’Jannar li ġej meta jerġa’ jiftaħ is-suq tat-trasferimenti tax-xitwa. Shenzen FC jinsabu fil-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika tal-kampjonat Ċiniż hekk kif kisbu biss 20 punt minn 27 partita.

    Huma ġejjin minn draw spettakolari ta’ 4-4 kontra Wuhan Zall. Hekk kif bħalissa dan il-kampjonat jinsab wieqaf minħabba l-impenji internazzjonali, Donadoni qed jaħseb sabiex isaħħaħ l-iskwadra fit-tentattiv li jevita r-relegazzjoni u qed iħares lejn l-akkwist tal-attakkant Destro. Dan tal-aħħar jista’ jħalli lil Bologna wara li ilu magħhom għal dawn l-aħħar erba’ snin.

    Roberto Donadoni ilu jmexxi lit-team miċ-Ċina għal dawn l-aħħar seba’ partiti fejn rebaħ waħda, ġie draw tliet darbiet u tilef fit-tliet okkażjonijiet l-oħra.