Inter jaħsbu għall-futur

    Inter se jkomplu jimxu fuq il-politika li jġibu players li jkun spiċċalhom il-kuntratt minn mat-timijiet tagħhom. Wara li fl-2018 wasal Stefan de Vrij mingħand Lazio u ftit tax-xhur ilu Diego Godin ingħaqad man-Neroazzurri totalment b’xejn mingħand Atletico Madrid, issa d-diriġenti tal-club qed jaħsbu fuq il-possibbiltá li jagħmlu hekk ukoll ma’ Christian Eriksen ta’ Tottenham Hotspur. Dan tal-aħħar mistenni jitlaq lit-team minn Londra fl-aħħar ta’ dan l-istaġun u Inter ingħaqdu ma’ diversi timijiet Ewropej fit-tentattiv li jiksbu s-servizzi tiegħu.

    Ladarba jagħmlu dan, id-direttur sportiv Beppe Marotta se jipprova wkoll għall-midfielder offensiv ta’ Fiorentina Federico Chiesa. Huma se jkunu qed jikkontendu dan il-player, li jiswa madwar €60 miljun, ma’ Juventus.

    Finalment in-Neroazzurri mistennija jdaħħlu kemxa ġmielha meta jridu jieħdu sehemhom mill-bejgħ ta’ players li bħalissa jinsabu mislufa ma’ klabbs oħra u dawn huma Mauro Icardi, Joao Mario, Ivan Perisic u Gabigol.