Id-Dwana Maltija tattira lejn Malta żewġ konferenzi kbar

    Id-Dwana ta’ Malta rnexxielha tattira lejn Malta żewġ konferenzi kbar. Is-sena d-dieħla mistenni li jitlaqqa’ f’pajjiżna l-ewwel forum tad-Dwaniet Mediterranji waqt li s-sena ta’ wara għandha titlaqqa’ wkoll f’pajjiżna l-‘Asian-European meeting’.

    Ħabbar dan id-Direttur inkarigat mill-Affarijiet Internazzjonali tad-Dipartiment tad-Dwana Ian Muscat f’kummenti li ta lil Inewsmalta. Huwa qal li l-konferenza tas-sena d-dieħla se ġġib flimkien Dwaniet minn diversi pajjiżi fosthom dawk Ewropej u Afrikani.

    “Irridu nifhmu li mill-Mediterran jgħaddi ħafna xogħol li ġej mil-Lvant u sejjer il-Punent, mill-Punent għal-Lvant kif ukoll xogħol li jgħaddi mill-Afrika għall-Ewropa u viċi versa. 

    “Aħna bħala Malta qegħdin fiċ-ċentru eżatt. L-idea hi li għalkemm qed naraw dan ix-xogħol kollu li jgħaddi mill-Mediterran ninnutaw li mal-pajjiżi Ewropej għandna ammont ta’ komunikazzjoni imma mal-pajjiżi tal-Afrika u tal-Lvant Nofsani mhemmx dik il-komunikazzjoni qawwija.

    “B’hekk qed nipprovaw inġibu lil kulħadd madwar mejda waħda u nibdew niddskutu kwistjonijiet li jolqtu lill-Mediterran waqt li nipprovaw ukoll li ‘l quddiem ikollna operazzjonijiet konġunti li jinvolvu l-pajjiżi kollha tal-Mediterran,” tenna s-Sur Muscat.

    Huwa qal ukoll li din l-inizjattiva ntlaqgħet tajjeb ukoll mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-World Customs Organisation li interessa ruħu fiha u kkommetta li jagħti l-appoġġ tiegħu fiha. 

    Żied jgħid li għalkemm Malta se tkun qiegħda tmexxi din il-konferenza, id-Dwana tittama li din ma tkunx ta’ darba u li ‘l quddiem ikun hemm konferenzi oħra simili.

    Dwar l-Asian-European meeting, is-Sur Muscat qal li din se tkun qiegħda ġġib flimkien id-Diretturi Ġenerali tad-Dwaniet tar-reġjun Ewropej ma’ dawk Ażjatiċi. “Din hija laqgħa li ssir kull sentejn. Din is-sena saret il-Vjetnam u sentejn oħra se ssir f’pajjiżna.”

    “Din issir peress li hemm negozju qawwi bejn l-Ewropa u l-Asja. Dak in-negozju, id-Dwaniet ma jridux ixekkluh pero’ hemm bżonn li jieħdu l-kontrolli neċessarji. Din il-laqgħa ta’ livell għoli ssir bejn id-Diretturi Ġenerali tad-Dwaniet biex fost affarijiet oħra naraw kif niffaċilitaw aktar ix-xogħol,” temm jgħid id-Direttur tal-Affarijiet Internazzjonali tad-Dwana.