Spanja tivvota fir-raba' elezzjoni ġenerali f'daqstant snin

    Spanja llum vvotat fir-raba’ elezzjoni ġenerali f’daqstant snin fi klima ta’ tensjoni kaġun tal-pressjoni mis-separatisti tar-reġjun tal-Katalunja biex jiksbu indipendenza mill-bqija tal-pajjiż.

    L-elezzjoni bikrija ssejħet wara li l-Prim Ministru Pedro Sanchez naqas milli jikseb l-appoġġ ta’ partiti oħrajn wara elezzjoni inkonklussiva f’April li għadda li rat lill-partit soċjalista jikseb l-akbar ammont ta’ voti, iżda li madankollu ma kisibx il-maġġoranza meħtieġa fil-Parlament.

    Diversi stħarriġ madankollu qed juru li din l-elezzjoni l-ġdida xorta mhix se tkun qed twassal biex tinstab soluzzjonim b’kemm ix-xellug u kif ukoll il-lemin jidher li mhumiex se jkunu qed jiksbu l-maġġoranza fil-Parlament Spanjol meħtieġa biex jiggvernaw.

    Kollox qed jindika li se jkunu s-Soċjalisti li għal darb’oħra jirbħu din l-elezzjoni, iżda b’inqas siġġijiet parlamentari milli kisbu f’April li għadda. Dan filwaqt li l-Oppożizzjoni konservattiva aktarx li se tkun qed issaħħaħ il-preżenza tagħha.