“Iċ-ċensura prova jagħmilha Joseph Muscat” - Fr Muscat

    “Dak li jsir bejn Isqof u qassis mhux biċċa tiegħek,” irrisponda Fr David Muscat meta ġie mistoqsi minn inewsmalta biex jikkonferma, kif ġie wkoll rrapurtat fuq midja lokali, jekk fl-aħħar jiem saritx laqgħa bejnu u l-Arċisqof Charles J. Scicluna.

    Mistoqsi jekk jaħsibx li qiegħda ssir xi tip ta’ ċensura fuqu, Fr Muscat qal, “iċ-ċensura prova jagħmilha Joseph Muscat. Ifaħħar lill-Isqof li bierek l-oqbra u mbagħad l-Interdet fis-sena 2019 iridu hu.”

    Fr Muscat kien qiegħed jirreferi għal meta l-Prim Ministru, Joseph Muscat, irringrazzja u faħħar lill-Arċisqof taż-żjara pubblika li għamel fil-parti taċ-Ċimiterju tal-Addolorata magħrufa bħala l-Miżbla fejn saru l-funerali mhux konsagrati ta’ bosta attivisti u partitarji Laburisti fi żmien l-Interdett.

    Meta dan is-sit staqsa lil Fr Muscat jekk għandux il-ħsieb li jkompli jitkellem, il-linja tat-telefonata nqatgħet.

    Proprju l-Ħadd li għadda, waqt attività politika,  il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li f’laqgħa privata mal-Arċisqof Scicluna huwa kien esprima d-diżappunt tiegħu għan-nuqqas ta’ aġir b’saħħtu u ta’ kundanna min-naħa tal-istess Knisja fil-konfront tad-diskorsi li saru minn Fr Muscat.

    Il-Prim Ministru qal li filwaqt li huwa konvint li l-Arċisqof huwa konxju tas-sensittività ta’ diskors bħal dan, “nemmen li l-Knisja ma kinitx b’saħħitha biżżejjed ma’ min tħalla jxerred din il-firda.”

    Kollox beda ftit ta’ xhur ilu meta filmat, li ċċirkola fuq il-midja, wera lil Fr Muscat jagħmel diskors waqt li indirizza attività fl-okkażjoni ta’ għeluq snin il-mexxej ta’ Imperium Europa Norman Lowell. Fr Muscat kien qal li Norman Lowell “żera’ żerriegħa li se tkun qiegħda tagħti l-frott tagħha fil-futur.”

    Wara dan, l-Arċisqof Scicluna minnufih ħa azzjoni u saħaq li, “l-ideoloġiji li jiżirgħu l-mibgħeda u d-diskriminazzjoni abbażi tar-razza jew kultura jmorru kontra t-tagħlim tal-Knisja Kattolika.”

    Dan il-ġurnal kien ukoll talab r-reazzjoni ta’ Fr Renè Camilleri dwar il-kummenti ta’ Fr Muscat. Fr Camilleri kien qal li jiddiżassoċja ruħu minn dak id-diskors u li fil-verità, “iż-żerriegħa li nżergħet hi mibegħda razzjali.” Fr Camilleri qal ukoll li l-lemin estrem, li hija r-rappreżentanza tal-filosofija ta’ Lowell, hu filosofija anti-umanista.

    Minn naħa l-oħra, f’intervista li ttellgħet onlajn minn ‘maltastory’, Fr Muscat qabel mal-ġurnalist li kien qiegħed jintervistah meta qallu li dak li għadda minnu jidher li ma kienx biss attakk personali fuqu imma wkoll fuq dawk l-10,000 li vvotaw l-uniku partit li ħareġ b’aġenda ċara fuq l-immigrazzjoni. Għal darb’oħra huwa qal li ġo fihom inżergħet żerriegħa li ‘l quddiem tagħti l-frott.

    Dak iż-żmien Fr Muscat qal ukoll li l-Papa ta ħafna piż lill-Arċisqof Scicluna u li, “ħa joqgħod moħħu f’dawn l-intietef ta’ Malta.”

    F’intervista oħra Fr Muscat kien qal li lil Sidna Ġesù Kristu kienu jgħajruh għax, “kien imur l-ikliet u x’qalulu? Qalulu li huwa wikkiel u sakranazz. Issa dawn qaluha lil Ġesù, aħseb u ara lili. Il-Papa qalilna ‘uscite dalle sagristie per avere l’odore delle pecore’. Jiġifieri li l-Papa stess iħeġġiġna biex noħorġu niltaqgħu man-nies. Jekk trid ma jinqala’ xejn, ibqa’ ġewwa ġos-sagristija.”