“Qatt m’aħna se ninsew il-kuraġġ wara t-tbissima unika tiegħek” … titħabbar il-mewt ta' Sammy Borg

    Tħabbret il-mewt ta’ Sammy Borg li tilef il-ġlieda tiegħu kontra l-marda tal-kanċer ilbieraħ filgħaxija. Borg kien intervistat minn dan is-sit ftit tax-xhur ilu fejn f’rakkont sħiħ kien spjegalna li hu kien qiegħed jgħix ġurnata b’ġurnata minkejja li t-tabib kien tah tliet xhur ħajja.

    Sammy jibqa’ mfakkar għat-tbissima unika tiegħu li sfortunatament kellha tinbidel f’waħda sfurzata lejn l-aħħar jiem ta’ ħajtu kawża tat-tbatija li kien jinsab għaddej minnha. 

    “Qatt m’aħna se ninsew il-kuraġġ wara t-tbissima unika tiegħek” … Sammy Borg jitlef ħajtu wara xhur jiġġieled il-marda tal-kanċer

    Ma’ inewsmalta huwa kien qalilna li hu jgħix trankwill għax il-ħajja laqqgħetu ma’ ħafna nies differenti anke minħabba li x-xogħol dejjem kien jidħollu b’ruħu u b’ġismu. Sammy qatt ma beża’ jieħu deċiżjonijiet wara li jkun għamel sewwa l-kalkoli ta’ jekk b’dak il-pass kienx se jkun qiegħed jgħin lill-uliedu.

    Lejn tmiem l-intervista li kienet saritlu minn dan is-sit kien qalilna li hu ma kienx se joqgħod jibki xortih u spjegalna li meta tasal f’ċertu età tgħaddi minn esperjenza bħalma huma t-telfiet t’ommok u ta’ missierek li tifhem li “aħna fil-ħajja mislufin”. Huwa kien għamel appell liż-żgħażagħ kollha biex jittamaw fil-ħolm tagħhom u jaħdmu kemm jifilħu biex jirrealizzawh għax il-premju li jkun hemm wara jegħleb kull ostaklu.

    Borg kien jilgħab il-bowling fuq livell professjonali u mhux biss kiseb bosta unuri, iżda skont kliemu stess kellu s-sodisfazzjon li jgħin bosta tfal u żgħażagħ jikbru f’dan l-isport u huma wkoll jiksbu unuri għal pajjiżna.

    Aqra wkoll: http://inewsmalta.com/article.php?ID1=80780