Tensjoni u diżappunt f’Napli

    It-tensjoni fil-belt ta’ Napoli tinsab fl-ogħla livell possibbli. Wara t-telfa ta’ 2-1 kontra Roma u d-draw sa ċertu punt diżappuntanti kontra Salzburg, il-partitarji tal-Partenopei kkontestaw mhux ftit lill-players tagħhom wara li spiċċaw is-sessjoni ta’ taħriġ tal-Ġimgħa filgħaxija.

    L-iktar wieħed li ġie mgħajjar kien il-player Spanjol Jose Maria Callejon li skond l-istess partitarji għandu jitlaq immedjatament mill-club.

    Il-player ta’ 32 sena ilu ma’ Napoli sa mis-sena 2013 fejn lagħab 230 partita u skorja 61 goal. Huwa deher xi ftit diżappuntant b’dak li sema’ u rrifjuta li jagħti kummenti lill-mezzi tax-xandir Taljani.

    Napoli ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar erba’ partiti filwaqt li niżlu ftit ‘l isfel fil-klassifika tas-Serie A.