Ottubru jġib fi tmiemu sajf tajjeb għall-ajruport internazzjonali ta' Malta

    L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ aktar minn 6.3 miljun passiġġier bejn Jannar u Ottubru.
    Din iċ-ċifra ssarraf fi tkabbir ta’ 6.7% fuq l-istess perjodu kumparabbli s-sena li għaddiet, u tindika li
    l-ajruport ser jagħlaq is-sena b’rekord tat-traffiku ġdid, jiġifieri aktar minn seba’ miljun moviment
    tal-passiġġieri. 

    L-ewwel 10 xhur tas-sena kollha wrew prestazzjoni tajba u rreġistraw livelli varji ta’ tkabbir, bl-istaġun
    tas-sajf – li jtul minn April sa Ottubru għall-industrija tal-avjazzjoni – jirreġistra żieda ta’ 7.7%
    fil-movimenti tal-passiġġieri. B’mod parallel ma’ dan it-tkabbir fin-numru ta’ passiġġieri, ġie osservat
    ukoll tkabbir ta’ 5.6% fil-movimenti tal-ajruplani u żieda ta’ 6.8% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet
    lejn Malta. 

    L-aqwa ħamest iswieq għall-istaġun kienu r-Renju Unit (+3.3%), l-Italja (+3.7%), il- ġermanja (+17.3%),
    Franza (+8.4%) u Spanja (+9.3%). Il-konnessjonijiet tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ma’ dawn
    is-swieq popolari komplew jissaħħu fis-sajf bl- introduzzjoni ta’ għadd ta’ rotot ġodda, bħal dawk ta’
    Exeter, Cardiff, Verona u Perugia, u titjiriet aktar frekwenti fuq diversi rotot oħrajn. 

    “Issa li ġie fi tmiemu sajf tajjeb, qegħdin naħdmu sabiex fix-xhur tax-xitwa naħsdu riżultati li huma
    konformi mal-istrateġija tagħna li tindirizza l-istaġjonalità. L-iskeda tax-xitwa li nedejna ftit ilu ser tkompli
    tagħmel lil Malta aċċessibbli għat-turisti f’dan l-istaġun filwaqt li żżid il-konvenjenza u l-għażla għall-pubbliku
    lokali,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta s-Sur Alan Borg. 

    Ix-xahar ta’ Ottubru ġab fi tmiemu l-istaġun tas-sajf. Dan ix-xahar irreġistra tkabbir ta’ 8.8% biex b’hekk
    qabeż is-700,000 moviment tal-passiġġieri għall-ewwel darba. Fl-aħħar jiem ta’ Ottubru, l-Ajruport
    Internazzjonali ta’ Malta nieda l-iskeda tax-xitwa l-ġdida tiegħu u laqa’ wkoll l-ewwel titjiriet minn Paphos,
    Trieste u Santiago de Compostela.