Koppja mhux ħatja li ffrodat liz-zija

    Anzjan ta' 68 sena u martu ta' 63 sena ma nstabux ħatja li iffrodaw liz-zija tiegħu li għandha 90 sena.

    John u Antonia Camilleri kienu mixlijin li fl-2010 iffrodaw lil Caterina Pace u żammew għandhom flus li kienu tagħha.

    Pace allegat mal-Pulizija li neputiha, li kien serva bħala pulizija, ikkonvinċiha tgħaddilu €30,000 biex jiddepożitahomlha fil-bank imma ma sarx dan.

    Il-koppja ċaħdet li iffrodatha jew żammet għandha l-imsemmija somma u nsistiet li hija tathom il-flus b'donazzjoni.

    Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkonkludiet li minn imkien ma rriżulta li huma ngannaw lill-anzjana.

    Hija qalet li ġie ippruvat li l-anzjana tat is-somma lill-koppja b'donazzjoni u ikkonkludiet li meta għamlet l-allegazzjoni għax riedet treġġa' lura l-istess donazzjoni biex in-neputijiet l-oħra ma jkunux jafu b'dak li għamlet.

    Kien għal dawn ir-raġunijiet li hija ma sabitx lill-koppja Camilleri ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha mill-Ispettur Anne Marie Micallef.