Pulizija involut fl-arrest ta' iben “El Chapo” jinqatel b'150 tir

    Il-Pulizija Messikan involut fl-arrest ta’ iben it-traffikant tad-droga Joaquin “El Chapo” Guzman inqatel f’parkeġġ.

    Filmati miġbudin minn kameras tas-sigurtà qabdu l-mument xokkanti meta żewġt irġiel armati jidhru jinżlu minn karozza ħamra u bdew jisparaw diversi tiri minn armi tan-nar tat-tip semi awtomatiċi fid-direzzjoni ta’ karozza bajda, li fiha kien hemm il-pulizija.

    L-attakk dam inqas minn 30 sekonda, biż-żewġt irġiel jisparaw mill-inqas 150 tir. Il-Pulizija kien segwit mill-aggressuri fil-parkeġġ ta’ ċetru kummerċjali fil-belt ta’ Culiacan.

    L-awtoritajiet Messikani identifikaw lill-uffiċjal tal-pulizija bħala Eduardo ’N’, ta’ 32 sena.

    Il-vittma kien uffiċjal għoli mal-Pulizija Preventiva tal-istat ta’ Sinaloa.

    Il-midja lokali qed tirrapporta li l-uffiċjal tal-pulizija nhar is-17 ta’ Ottubru li għadda kien involut fl-arrest ta’ Ovidio Guzman Lopez, li huwa iben it-traffikant tad-droga Joaquin “El Chapo” Guzman.

    Eventwalment Guzman Lopez tħalla jaħrab mill-pulizija wara li dawn sfaw fil-mira ta’ attakk kbir minn diversi membri tal-kartell ta’ Sinaloa, hekk kif sar magħruf li iben “El Chapo” kien safa arrestat. Fl-operazzjoni ndarbu wkoll għadd ta’ pulizija.