Juncker: “Trump mhux se jkun qed jimponi tariffi fuq karozzi tal-UE”

    Il-President uxxenti tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker aktar kmieni llum qal li jemmen li l-Istati Uniti mhijiex se tkun qed timponi tariffi fuq l-importazzjoni ta’ karozzi minn produtturi Ewropej.

    L-amministrazzjoni Trump ilha mis-sena li għaddiet thedded li lesta timponi tariffi fuq l-importazzjoni ta’ karozzi mill-Ewropa. Dan bil-għan li s-settur awtomobilistiku Amerikan, simbolu tal-manifattura tal-Istati Uniti, ma jiġix mhedded.

    Wara li ppospona dawn il-miżuri f’Mejju li għadda, Trump mistenni li jiddeċiedi dwar dan aktar tard dan ix-xahar.

    Madankollu f’intervista ppubblikata f’ġurnal Ġermaniż, Juncker qal li huwa kien informat dwar din il-kwistjoni u li Trump “mhux se jkun qed jintroduċi tariffi”.

    “Trump se jikkritika xi ftit, iżda mhux se jkunu imposti tariffi fuq il-karozzi,” huwa qal fl-intervista mal-ġurnal Suddeutsche Zeitung.

    Jekk tiddaħħal fis-seħħ, din se tkun qed timmarka l-akbar eskalazzjoni f’dak li qed jitqies bħala kunflitt tal-kummerċ bejn Brussell u Washington.

    Fil-ġimgħat li għaddew l-Istati Uniti imponiet taxxi punittivi ġodda fuq prodotti Ewropej li se jkunu qed jiġġenerawlha mas-$7.5 biljun.