Għaddasa jesiġu infurzar serju fuq sajd eċċessiv

    … jisħqu li Malta tista’ tkun l-aqwa post fid-dinja bħala attrazzjoni għall-għadds

    Malta toffri numru interessanti ħafna ta’ attrazzjonijiet differenti bħal sikek li jinsabu fiċ-Ċirkewwa, Wied iż-Żurrieq, id-Dwejra u Xatt l-Aħmar, diversi għerien u nawfraġji bħal HMS Maori, Um El Faroud, P29, MV Karwela u Imperial Eagle. 

    Fil-fatt ftit ilu Malta ngħatat premju prestiġġjuż fejn ġiet ikklassifikata bħala waħda mill-aqwa destinazzjonijiet għall-għadds għal din is-sena mill-qarrejja tad-Diver Magazine. F’dan ir-rigward, tkellimna ma’ diversi għaddasa fejn laqgħu bi pjaċir din l-aħbar u jemmnu li Malta tista’ tassew tkun l-aqwa post fid-dinja għax l-attrazzjonijiet li jinsabu fl-ibħra tagħna għandhom ħafna x’joffru.

    Mistoqsija x’inhuma l-isfidi u x’suġġerimenti għandhom biex Malta tibqa’ waħda mill-aqwa destinazzjonijiet, l-għaddasa saħqu dwar il-bżonn ta’ aktar infurzar serju fuq is-sajd illegali u eċċessiv li ilu jseħħ snin sħaħ f’ħafna sikek u nawfraġji tant li l-ħut mhux ikollu ċans ibejjed. Għaddas fuq stil liberu nnota wkoll li anke s-sajd bil-ħarpun mhuwiex regolat u li m’hemm l-ebda kwoti jew id-daqs minimu ta’ ħut li għandhom jinqabdu.

    Apparti infurzar serju, l-għaddasa saħqu li għandhom jiżdiedu ż-żoni marini protetti u kien hemm min innota li jekk dan ma jsirx, il-baħar Malti dalwaqt ikun mejjet b’konsegwenzi serji għall-industrija tal-għadds u dik tat-turiżmu.

    “Bżonn ta’ azzjoni, jekk le, il-baħar Malti dalwaqt ikun mejjet”

    Pavel, istruttur tal-freediving mal-iskola Deep Passion Freediving, qal li hemm diversi raġunijiet li jagħmlu Malta bħala destinazzjoni attraenti għall-għadds fosthom il-viżibbiltà eċċellenti fejn f’ċertu postijiet wieħed jista’ faċilment ikollu viżibbiltà ta’ aktar minn 40 metru. Huwa qal li din hija xi ħaġa tajba ħafna speċjalment meta l-medja hija ta’ madwar 20 metru, li diġà fih innifsu huwa tajjeb.

    Fattur ieħor li jsemmi huwa li wieħed jista’ jogħdos is-sena kollha speċjalment għall-fatt li t-temperatura tal-ilma ġeneralment ma tinżilx aktar minn 14-il grad. Pavel jinnota wkoll li l-fatt li Malta hija gżira u d-daqs tagħha jagħmluha aktar possibbli li jkun hemm limitazzjonijiet kaġun tat-temp jew kundizzjonijiet tal-baħar. Dan għax, meta l-baħar ikun imqalleb fuq naħa minnhom tal-gżira wieħed faċilment jista’ jmur naħa oħra mingħajr telf ta’ ħin.

    Apparti minn hekk, Pavel jogħġbu l-fatt li hemm diversi għerien u bastimenti mgħarrqa madwar Malta li huma mfittxija minn dawk il-persuni b’dan id-delizzju. Mistoqsi fil-fehma tiegħu liema huma l-aktar postijiet popolari, Pavel isemmi l-bastimenti mgħarrqa P-31 f’Kemuna, P-29 u Rożi fiċ-Ċirkewwa, Tug 2 f’Exiles u Um el Fahroud fiż-Żurrieq. Bħala għerien l-aktar popolari huwa qal li hemm dawk ta’ Santa Marija f’Kemmuna u l-għerien f’Għar Lapsi. “Imbagħad hemm il-ħitan wieqfa fuq il-ġnub tal-Punent ta’ Malta u Għawdex. Hemm ħafna ħajja u nistgħu naraw annimali kbar ta’ spiss bħal tonn kbir jew delfini. Nemmen li l-aktar postijiet popolari huma ċ-Ċirkewwa u ż-Żurrieq f’Malta u d-Dwejra u Xatt l-Aħmar f’Għawdex.”

    Bħala għaddas fuq stil liberu japprezza l-fatt li m’għandux bżonn ta’ dgħajsa biex iżuru l-postijiet hekk kif ħafna minnhom huma aċċessibbli faċilment anka bil-karozza. Pavel qal li għalih bħala freediver huwa importanti li l-ilma fond għat-taħriġ fil-fond ikun aċċessibbli faċilment mix-xatt.

    Mistoqsi dwar xi sfidi u suġġerimenti biex Malta tibqa’ destinazzjoni attraenti f’dan is-settur, Pavel qal li l-akbar sfida hija d-diżrispett tan-nies lejn in-natura u l-liġijiet. “F’Malta qiegħed ikun hawn sajd mhux sostenibbli. Il-ħajja qiegħda tisparixxi mill-baħar. Skont il-liġi Maltija, is-sajd u s-sajd bil-ħarpun huma pprojbiti fil-postijiet tal-għadis, inklużi ħdejn l-inkaljar imma xorta tara dgħajjes tas-sajd ħdejhom. Anke s-sajd bil-ħarpun mhuwiex regolat. M’hemm l-ebda kwoti jew daqs minimu ta’ ħut,” qal Pavel.

    Huwa jinnota wkoll li m’hemm l-ebda żoni protetti tal-baħar ħlief Filfla u dan huwa ftit wisq. Pavel żied jgħid li l-kostruzzjoni li ħarġet mill-kontroll tista’ tkun kwistjoni fil-futur. “Iżda l-aħħar u mhux l-inqas hija l-kwistjoni tal-islime mill-fish farms. Is-suġġeriment tiegħi huwa li jiġu regolati s-sajd u s-sajd bil-ħarpun, jiżdiedu ż-żoni marini protetti, jiġu introdotti żoni kbar fejn ma jistax isir tip ta’ sajd u li dan jiġi infurzat serjament. Jekk dan ma jsirx, il-baħar Malti dalwaqt ikun mejjet u se jkollu konsegwenzi fatali mhux biss għall-industrija tal-għadds, iżda wkoll għall-industrija tat-turiżmu in ġenerali.”

    Ħidma biex jitniżżlu aktar bastimenti mgħarrqa f’Malta

    Il-bugħaddasa u s-sid tad-Dive Centre Mikela Borg laqgħet b’mod pożittiv l-aħbar li għal darb’oħra Malta ġiet fuq tal-klassifika bħala waħda mill-aqwa destinazzjoni għall-għadds. Hija qalet li dan huwa unur kbir għad-dilettanti tal-baħar. “Huwa ta’ gwadann kbir meta nieħdu titlu bħal dan għax aħna li nagħmlu l-għixien tagħna mit-turiżmu tal-għadds ġewwa pajjiżna, il-ħin kollu nippromwovu l-ibħra Maltin u ninvestu biex il-barranin jiġu għall-btala fil-gżejjer tagħna.”

    Mikela qalet li l-frott tal-investiment tar-riżorsi u flus f’dan il-qasam qiegħed jitgawda. Hija qalet li, “jeħtieġ li napprezzaw il-valur tal-ibħra tagħna u ngħarfu l-impatt pożittiv li qiegħed iħalli fuq Malta, mhux biss għat-turiżmu iżda wkoll għalina l-Maltin li qegħdin igawduh matul is-sena kollha. Sfortunatament is-saħħa tal-baħar għandu ħafna sfidi partikolarment it-tniġġis fil-baħar minn kimiċi.”

    Fuq dan ir-rigward hija semmiet il-ħmieġ li jispiċċa fil-baħar bir-rimi jew bir-riħ. Hija qalet li huwa allarmanti l-ammont ta’ plastik u oġġetti mormija fil-baħar li qegħdin jittellgħu kuljum. Bħala suġġerimenti, Mikela tisħaq li għandu jkun hemm infurzar tar-regolamenti fejn jidħol is-sajd eċċessiv speċjalment minħabba ħut żgħir li mhux ikollu ċans ibejjed. Hija żiedet tgħid li għandu jkun hemm studji biex nerġgħu niġġeneraw il-ħajja tal-baħar u li għandu jkun hemm aktar sikek artifiċjali. “Bħalissa qiegħda ssir ħidma biex jitniżżlu aktar bastimenti mgħarrqa f’Malta. Dan jgħinna nkomplu niġbdu dan it-tip ta’ turiżmu lejn pajjiżna.”

    Mikela tinnota li hemm diversi fatturi li jagħmlu lil Malta bħala post attraenti għall-għadds. Minbarra li l-baħar tagħna huwa rinomat bħala wieħed mill-iktar ċar u nadif fil-Mediterran u l-klima tajba s-sena kollha, hija tgħid li matul iż-żmien tniżżlu diversi bastimenti mgħarrqa bħala attrazzjoni għall-bugħaddasa li jinsabu madwar il-gżejjer f’livelli ta’ fond differenti. “L-istorja rikka Maltija tista’ tittgawda wkoll taħt il-wiċċ tal-ilma b’relitti tal-passat. Nistgħu nsibu vapuri u ajruplani minn żmien it-tieni Gwerra Dinjija. Dawn il-bastimenti mgħarrqa saru sikek artifiċjali peress li jipprovdu kenn għall-ħajja tal-baħar. Dawn it-tip ta’ bastimenti jistgħu jitgawdew fi żmien inqas minn minuta ta’ vjaġġar b’fond li jvarja bejn it-18-il metru sa aktar minn 100 metru.”

    Mikela tispjega li waħda mill-aktar siti popolari f’Malta għall-għadds huma P29 u Rożi Wreck fiċ-Ċirkewwa. Hemm ukoll dawk li jissejħu Tug10 u Tug St. Michael f’Marsaskala li huma importanti għax huma mħarsa mir-riħ fil-Majjistral. 

    Hemm ukoll l-attrazzjoni ta’ Um el Faroud f’Wied iż-Żurrieq. Mikela spjegat li d-diżgrazzja ta’ dan il-vapur fit-Tarzna hija storja f’qalb il-Maltin li għadha tissemma’ sal-lum. Dan sar attrazzjoni sabiħa għall-bugħaddasa u sar ukoll id-dar ta’ diversi speċi ta’ ħut fosthom l-aktar aċċol, ċrien u barracuda. Mikela qalet li apparti l-bastimenti mgħarrqa hemm ukoll is-sikek u għerin spettakolari fosthom il-Blue Hole u l-Cathedra Cave ġewwa Għawdex. 

    Hija qalet li l-kwalità taċ-ċentri tal-għaddsa f’Malta joffru servizz eċċellenti għal-bugħaddasa li jżuru pajjiżna. “Dan mhux biss minħabba l-kwalità tal-baħar imma ukoll mill-professjonalità u l-faċilitajiet li noffru. In-nies li huma f’din l-industrija għandhom il-baħar għal qalbhom u naħdmu b’esperjenza u passjoni kbira. Malta hija destinazzjoni tajba għall-familja kollha u t-turist japprezza li l-familja kollha tista’ tgawdi.”

    “Bżonn ta’ aktar investiment fuq l-infrastruttura”

    Il-bugħaddas u l-istruttur minn DIVErse SCUBA Solutions Demis Farrugia, qal li jemmen li Malta tista’ tkun l-aqwa post fid-dinja bħala attrazzjonijiet għall-għadds. Huwa qal, “li hemm bżonn żgur huwa infurzar serju fuq is-sajd illegali li ilu snin sħaħ jseħħ f’ħafna sikek u nawfraġji. Li tagħmel liġi hija biss parti żgħira mill-istorja. Hemm bżonn ta’ moniteraġġ kontinwu.”

    Huwa żied jgħid li apparti minn hekk, hemm bżonn ta’ aktar investiment mill-awtoritajiet konċernati fuq l-infrastruttura. “Punt partikolari huwa Wied iż-Żurrieq fejn ilu mistenni parkeġġ ikbar, kif ukoll il-witta tarmak fl-aħħar biċċa tan-niżla fejn bħalissa huwa miksi bil-konkos.”

    Bħall-għaddasa l-oħra, Demis innota li Malta għandha diversi attrazzjonijiet bħal sikek, għerien u nawfraġji li huma esklussivi għall-gżejjer tagħna. “L-involviment ta’ Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija mliet il-baħar tagħna b’ħafna nawfraġji u fralijiet sew tal-Alleati u anke tal-Assi. Dawn jagħtu kuntrast ta’ vjaġġar lura fi żmien ikrah ħafna tal-gżejjer tagħna.”

    Apparti minn hekk, huwa qabel mal-għaddasa l-oħra li t-temperaturi tropikali tal-ibħra tagħna għal mhedda ta’ ħames xhur fis-sena hija ħaġa konvenjenti għat-turisti li jiġu jżuru l-gżejjer tagħna. Kif innutaw l-għassada l-oħra, Demis sostna li Malta għandha waħda mill-aqwa viżibiltà tal-baħar.