Jeskalaw il-protesti f'Hong Kong wara l-mewt ta' student

    Matul il-jum tal-lum eskalaw il-protesti f'Hong Kong wara li student li waqa’ minn għoli waqt ġlied bejn il-pulizija u d-dimostranti miet. Din hija l-ewwel fatalità kkaġunata minn ġrieħi sostnuti waqt id-dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern li qed jaħkmu lit-territorju Ċiniż.

    L-Awtorità għal-Isptar ta’ Hong Kong kkonfermat li Chow Tsz-lok, ta’ 22 sena, miet kmieni llum kaġun ta’ ġrieħi serji ċerebrali wara li waqa’ minn għoli waqt protesti li żvolġew nhar il-Ħadd li għadda.

    Chow, studenti fl-Università tax-Xjenza u t-Teknoloġija f’Hong Kong, instab kmieni nhar it-Tnejn li għadda f’parkeġġ. Huwa maħsub li huwa waqa’ għoli ta’ madwar sular. Għadu mhux magħruf għaliex Chow kien jinsab fil-parkeġġ, u x’wassal eżattament biex jaqa’.

    Madankollu huwa mifhum li l-pulizija kienet għamlet użu minn gass tad-dmugħ fil-viċinanzi, iżda mhux fil-parkeġġ.

    Il-mewt ta’ Chow mistennija li twassal biex matul tmiem il-ġimgħa jkomplu jeskalaw il-protesti f’Hong Kong, hekk kif id-dimostranti qed ikomplu jitolbu investigazzjoni dwar l-aġir tal-pulizija, li huma qed jakkużaw li qed jagħmlu użu ta’ forza eċċessiva fil-konfront tad-dimostranti.