Wara Brexit Malta tista’ tkun il-bażi alternattiva għal kumpaniji fir-Renju Unit

    Il-kontroversja dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u l-mod kif żviluppaw l-affarijiet fl-aħħar xhur, qed joħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza kbira.  Is-settur tal-manifattura f’dan il-pajjiż jidher li diġa’ ġie affettwat b’għadd ta’ kumpaniji kbar iħabbru li qed jikkonsidraw li jitilqu, se jnaqqsu l-attività tagħhom, inaqqsu l-impjegati jew jirrilokaw lejn post ieħor. Fost dawn hemm l-Airbus, li hi magħrufa fil-qasam tal-ajruplani. It-tieni l-akbar kumpanija tal-assigurazzjoni Aviva ukoll ħabbret li se tittrasferixxi l-assi tagħha.  Anki fis-settur bankarju, qed naraw kif il-Barclays se jimxi għal Irlanda, waqt li Credit Suisse ukoll mexxiet l-operat tagħha. Kumpanija bħall-Honda ukoll ħabbret li se tagħlaq l-impjant. Quddiem dan, f’konferenza li saret f’Londra, issemma’ li skont statistika li qed tinġabar mill-industrija tal-assigurazzjoni u mill-qasam finanzjarju, qed jingħad b’mod mill-aktar ċar li “Malta tista’ tiżviluppa bħala bażi alternattiva għal kumpaniji tal-assigurazzjoni li llum huma ibbażati fir-Renju Unit”. Intant fir-Renju Unit bdiet uffiċjalment il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali li se ssir fit-12 ta’ Diċembru.

    Ninsabu informati li preżenti għal din il-konferenza kien hemm Matthew Bianchi, li hu wieħed mill-bord ta’ gvernaturi f’Finance Malta. Filfatt hu tkellem dwar kif Malta tista’ tevolvi bħala l-għażla alternattiva  għal għadd kbir ta’ kumpaniji tal-assigurazzjoni li bħalissa qed ifittxu li jżommu in-negozju tagħhom mas-suq Ewropew  wara li sseħħ il-Brexit. 

    Fil-konferenza issemma b’mod insistenti li Malta ibbenefikat minn strutturi ta’ ‘protected cell company’, xi ħaġa li hi offruta f’Malta. Spjega li din tista’ tkun qasam  uniku la darba ir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea.

    Fil-konferenza, Matthew Bianchi qal li “aħna l-uniku ġurisdizzjoni, b’mod partikolari issa li qed issi il-Brexit, li għandha leġislazzjoni fuq ‘protected cell companies’.  Hemm Ġibiltà li għandhom leġiżlazzjoni simili, imma dawn bil-ħruġ tar-Renju Unit se jkunu huma ukoll qed joħorġu mill-Unjoni Ewropea.”

    Issemma kif “cell companies  jistgħu jipprovdu għadd ta’ effiċjenza b’mod partikolari meta tkun trid tmexxi l-affarijiet jew biex tistabbilixxi l-ispiża. 

    Fil-konferenza imma issemma’ li l-ispiża tal-bidu f’Malta dejjem qiegħda togħla, għalkemm ġie spjegat li l-effiċjenza marbuta mal-ispejjeż f’Malta hi waħda  mill-aktar li tattira kumpaniji jirrilokaw lejn pajjiżna.

    L-ispiża f’Malta għadha irħas minn dik tal-Lussemburgu u l-Irlanda

    Fil-konferenza tqabblu l-ispiża għal dawn il-kumpaniji f’Malta u f’pajjiżi oħra li jikkompetu f’dan il-qasam li huma l-Irlanda u l-Lussemburgu. Ġie spjegat li l-ispiża f’Malta għal dawn il-kumpaniji  għadha ħafna irħas f’Malta.

    Sa issa iggwadanjajna daqs kemm tlifna

    Interessanti hu l-fatt li sa issa jidher li Malta għadha ma gawdietx biżżejjed minn rilokazzjoni ta’ kumpaniji. Filfatt tefa’ dawl fuq dan il-gvernatur ta’ Finance Malta, Matthew Bianchi. Hu saħaq li “naħseb li sa issa gwadanjajna daqs kemm tlifna.  Naħseb li Brexit hi ħażina għal kulħadd u dan hu l-mod kif qed narawha bħal ġurisdizzjoni. M’aħniex naġixxu qisna vultures lesti biex naħtfu mingħand ħaddieħor. 

    Nuqqas ta’ riżorsi umani hi sfida kbira f’Malta

    Minn din il-konferenza, li fiha kien hemm preżenti uffiċjali tal-akbar kumpaniji fir-Renju Unit,  ma naqsux li jissemmew ċerti problemi li tista’ tiffaċċja Malta f’dan il-qasam fosthom dwar in-nuqqas ta’ riżorsi umani speċjalizzati. Issemma’ kif dan in-nuqqas qed iservi bħala ħajt għal kumpaniji kbar biex jirrilokaw lejn Malta. 

     

    Kumpaniji kbar li ħabbru li se jitilqu mir-Renju Unit

    Waħda mill-kumpaniji kbar li kienu tkellmu dwar il-possibilità li jitilqu mir-Renju Unit kienet l-Airbus. Din tħaddem madwar 14,000 persuna fosthom 6,000 fil-fabbrika li tinsab fi Broughton fit-tramontana ta’ Wales. Ma’ dawn hemm 3,000 f’Filton qrib Bristol.  Il-Kap Eżekuttiv ta’ Airbus, Tom Enders kien wissa ftit xhur ilu li l-kumpanija tista’ tkun sfurzata tagħlaq l-impjanti fir-Renju Unit.

    Il-kumpanija tal-assigurazzjoni Aviva, li hi t-tieni l-akbar kumpanija tal-assigurazzjoni  ħabbret li se titrasferixxi xejn inqas minn £7.8 biljun ta’ assi lejn l-Irlanda. Il-kumpanija qalet li se tonfoq $400 miljun biex il-ħaddiema tagħha minn Londra ikunu trasferiti lejn Pariġi.

    Il-kumpanija British Steel kienet ħabbret li se tnaqqas il-ħaddiema tagħha b’madwar 400 ħaddiem. 

    Credit Suisse, kien irrappurtat li din mexxiet xejn inqas minn 250 bankier minn Londra lejn hubs finanzjarji oħra Ewropej. 

    Il-Barclays Bank ittrasferixxa xejn inqas minn £166 biljun tal-assi tal-klijenti  lejn il-kapitali tal-Irlanda. 

    Fil-qasam tal-kumpaniji tal-karozzi kien hemm fabbriki  bħal dik tal-Jaguar Land Rover li qalet li se tnaqqas 4,500 ħaddiem. Dan kien biex tiffranka £2.5 biljun. Il-Honda kienet ukoll ħabbret li se tagħlaq l-impjant fi Swindon fis-sena 2021, deċiżjoni li tfisser li se jintilfu 3,500 impjieg. 

    Kellek imbagħad kumpanija bħal Panasonic li kienu ħabbru li se jitrasferixxu l-kwartieri tagħhom minn Londra lejn Amsterdam. Kumpanija bħal P&O, li hi magħrufa għal bastimenti tagħha mexxiet il-bastiementi tagħha għar-reġistru marittimu Ċiprjott. 

    Anke l-kumpanija Philip kienet ħabbret li se tagħlaq fabbrika fir-Renju Unit li tfisser telf ta’ aktar minn 400 impjieg.

    Deċiżjoni oħra li kienet ħolqot agħa fir-Renju Unit kienet dik tal-kumpanija Rolls Royce, fejn din iddeċidiet li tagħlaq l-impjant f’Derby, li tfisser telf ta’ 4,600 impjieg.

    Boris Johnson imur għand ir-Reġina biex ixolji l-Parlament 

    Il-Prim Ministru tar-Renju unit Boris Johnson mar għall-udjenza Privata mar-Reġina Eliżabetta II biex ixolji l-Parlament.

    B’hekk bdiet uffiċjalment il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali ta’ nhar it-12 ta’ Diċembru. Il-partiti ewlenin mistennija jniedu l-kampanja  bil-Konservattivi ta’ Johnson mistennija jikkampanjaw biex iwettqu Brexit waqt li l-kap tal-Partit Laburista mistenni jwiegħed li se jwettaq bidla.