Gabriel Paletta jingħaqad ma’ Monza

    Id-difensur ċentrali Taljan b’dixxendenza Arġentina, Gabriel Paletta, ingħaqad ma’ Monza Calcio, team li l-proprjetarju tiegħu huwa Silvio Berlusconi u li hu mmexxi mill-ex coach ta’ Milan, Christian Brocchi.

    Paletta jibqa’ magħruf għaż-żmien li qatta’ ma’ AC Milan bejn l-2015 u l-2018 fejn kien lagħab 44 partita u skorja żewġ goals. Dan l-aħħar hu kien qed jilgħab fiċ-Ċina ma’ Jiangsu Suning iżda f’Settembru li għadda ntemmlu l-kuntratt u għamel ix-xahar ta’ Ottubru bla club.

    Paletta, li llum il-ġurnata għandu 33 sena, iffirma kuntratt ta’ tliet snin. Il-coach Brocchi huwa kuntent b’dan l-akkwist li se jżid l-esperjenza fit-team li jilgħab fit-tielet kategorija tal-football Taljan.