Dokumentazzjoni ġdida dwar is-salini fil-gżejjer Maltin

    Pubblikazzjoni dwar l-istorja tal-produzzjoni tal-melħ f’Malta tiżvela dokumentazzjoni ġdida dwar 40 salini imxerrdin ma’ Malta, Għawdex u Kemmuna. Il-ħidma fis-salini kienet waħda mill-industrji ewlenin fil-gżejjer Maltin għal mijiet ta’ snin. Laħqet l-aqwa tagħha fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann meta l-melħ Malti kien jiġi esportat fil-kontinent Ewropew u kien meqjus fost l-aqwa melħ għat-togħma u l-kwalita’ tiegħu.

    F’Malta jeżistu 27 salini, f’Għawdex hemm 11-il salina u żewġ salini f’Kemmuna.

    ‘Il-biċċa l-kbira tas-salini fil-gżejjer Maltin huma xhieda ta’ ħidma iebsa u għadhom f’kundizzjoni tajba. Nittama li dal-ktieb jgħinna nifhmu aktar it-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-melħ, is-sistema tas-salini fil-gżejjer Maltin u s-sinjifikat tagħhom għall-wirt kulturali’. qalet Pauline Dingli, l-awtriċi ta’ SALT PANS IN MALTA: A Study of Salt Pans and Salt Production in the Maltese Islands (Pubblikazzjoni SKS).

    It-tnedija tal-ktieb saret fis-Salini fejn hemm l-akbar sistema ta’ salini madwar l-arċipielgu Malti li kienu disinjati mill-inġiniera tal-Ordni ta’ San Ġwann.

    Dingli hija tal-fehma li l-melħ f’Malta għandu jkun esplojtat kemm għal użu kulinarju u kemm skopijiet kulturali turistiċi.

    Il-ktieb fih 277 paġna u huwa illustrat b’disinji oriġinali  u stampi tas-salini fuq il-kosta tal-gżejjer Maltin. Jinsab għall-bejgħ għall-prezz ta; €25 mill-istand tal-SKS fil-festival tal-Ktieb, Valletta.