Fis-sentejn li ġejjin, Malta bl-aqwa tkabbir ekonomiku fl-UE

    Fit-tbassir tagħha għall-ħarifa 2019, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproġetta li fis-sentejn li ġejjin l-ekonomija Maltija se tirreġistra l-akbar tkabbir minn fost l-ekonomiji Ewropej kollha.

    L-Autumn 2019 Forecast jgħid li, fl-2020, il-ġid nazzjonali ta’ Malta mistenni jikber b’4.2%. Din ir-rata hija tliet darbiet ikbar mir-rata medja tal-Unjoni Ewropea, u fost oħrajn għaxar darbiet ikbar mir-rata li biha se tikber l-Italja.

    L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru li Malta ser tibqa’ l-pajjiż bit-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro. Filwaqt li l-Ġermanja mistennija tkun il-pajjiż bl-inqas rata ta’ qgħad, id-distakk bejn Malta u l-Ġermanja mistenni jonqos għal 0.1% biss.

    L-Autumn 2019 Forecast jindika wkoll li r-rata tal-inflazzjoni f’Malta ser tibqa’ relattivament baxxa meta mqabbla mal-medja storika ta’ pajjiżna. Fl-istess ħin, pajjiżna mistenni jibqa’ jirreġistra t-tieni l-ogħla surplus fil-bilanċ tal-pagamenti internazzjonali minn fost il-pajjizi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll it-tielet l-ogħla surplus fil-kontijiet pubbliċi.   

    Fir-rapport tagħhom fuq Malta, l-esperti Ewropej jgħidu li, “Malta’s economic performance continues to be strong, driven by domestic demand”. Iż-żieda fid-domanda domestika ġejja l-iktar minn “strong investment growth”, speċjlament minħabba proġetti kbar fl-avjazzjoni, saħħa u turiżmu. Skont il-Kummissjoni Ewropea, “the fast pace of economic growth in Malta has been coupled with strong employment growth and record-low unemployment rate”.  

    Filwaqt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi madwar pajjiżna mistennija jmorru għall-agħar, xorta l-esperti Ewropej qed jikkonkludu li f’Malta, “economic activity remains vibrant”. Dan ifisser li, minkejja li l-Gvern ser iżid ħafna l-investiment pubbliku, u fil-Baġit 2020 ħabbar diversi miżuri favur l-anzjani, familji u persuni b’diżabilità, is-surplus fil-finanzi ta’ pajjiżna mistenni jibqa’ stabbli. 

    Fil-fatt, matul is-sentejn li ġejjin, iż-żieda fl-ispiża rikorrenti pubblika f’pajjiżna mistennija tkun id-doppju tal-medja Ewropea, filwaqt li l-investiment pubbliku mistenni jkun darba u nofs ir-rata medja fiż-żona ewro. Minkejja dan, l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru li, sal-2021, il-piż tad-dejn nazzjonali ta’ pajjiżna mistenni jonqos taħt id-39% tal-ġid nazzjonali. 

    Il-gvern huwa kommess li jkompli jinvesti bis-sħiħ fl-ikbar programm ta’ spiża kapitali fl-istorja ta’ pajjiżna biex l-infrastruttura tissaħħaħ u tkun lesta għall-futur. Fl-istess ħin, il-gvern ser ikompli jaħdem biex it-tkabbir rekord li kiseb pajjiżna fis-snin li għaddew ikompli wkoll fis-snin li ġejjin biex il-ġid ikompli jinfirex fost il-familji kollha f’pajjiżna.