Il-qtil tal-istilista tax-xahar ta’ Cristiano Ronaldo ... Traġedja li tfakkarna fil-qtil ta’ Alfie Rizzo

    L-istilista tax-xahar famuż, Ricardo Marques Ferreira, li fost il-klijenti tiegħu kellu lill-plejer tal-football ta’ fama internazzjonali Cristiano Ronaldo, instab mejjet b’daqqiet ta’ sikkina f’kamra ta’ lukanda fl-Isvizzera. Il-pulizija lokali arrestat raġel Brażiljan ta’ 39 sena b’konnessjoni ma’ dan il-qtil. Din it-traġedja pjuttost tfakkarna għal dik simili li seħħet lokalment fl-1998 meta l-istilista popolari ferm, Alfie Rizzo, instab mejjet bi 17-il daqqa ta’ sikkina f’wiċċu, f’għonqu u f’sidru.

    Ferreira, famuż proprju għax kien l-istilista tax-xahar favorit ta’ Cristiano Ronaldo, kien indentifikat bħala l-vittma meta l-ġisem bla ħajja tiegħu nstab minn fattiga f’lukanda fi tmiem il-ġimgħa. Il-vittma, li l-ġisem bla ħajja tiegħu nstab madwar is-2.00 ta’ wara nofsinhar il-ġimgħa l-oħra, instab mejjet wara li sofra diversi daqqiet ta’ sikkina. Huwa rrapportat li l-arma tad-delitt ma nstabitx fil-post fejn seħħ l-attakk fatali.

    Il-ġisem ta’ Alfie wkoll instab f’għadira demm wara li kien attakkat fil-ħanut tiegħu stess fil-Gzira. Huwa nstab minn ħbieb tiegħu wara li mart Rizzo nkwetata, ċemplitilhom minħabba li Alfie kien għadu ma rritornax id-dar tard filgħaxija. Il-karozza ta’ Alfie kienet ipparkjata barra l-ħanut u l-bieb instab miftuħ. Huwa rrapportat li kien hawn li dawn il-persuni daħlu fil-ħanut fejn sabu lill-vittma wiċċu ‘l isfel mejjet b’daqqiet ta’ sikkina. 

    B’konnessjoni mal-qtil ta’ Alfie l-pulizija Maltija arrestat żewġ Libjani u ressqithom il-qorti mixlija b’dan il-qtil li ħasad lil ħafna fostna. Mentri, f’dan il-każ riċenti, il-pulizija Żvizzera rnexxielha tarresta raġel Brażiljan b’konnessjoni mal-qtil ta’ Ferreira. Għad ma ngħata ebda kumment uffiċjali dwar x’seta’ wassal għal dan l-att kriminali. 

    Rapporti lokali qalu li għadd ta’ mistednin fl-istess lukanda, sigħat qabel ma nstab il-kadavru, ċemplu lir-reception biex jilmentaw dwar ħafna storbju li kien ġej mill-kamra tal-vittma.

    Xena tal-waħx f’kamra tintenn bl-alkoħol…

    It-tablojd ewlenija Portugiża, ’Correio de Manha’, fir-rapporti tagħha rreferit għal Ferreira bħala ‘l-istilista tax-xahar ta’ Christiano Ronaldo’. Dan l-istilista u artist tal-make-up mill-gżira ta’ Madeira bħall-footballer tal-Juventus, kien tella’ ritratt fuq il-midja soċjali li fih jidher jagħmel l-aħħar irtokki fuq xahar Ronaldo f’Settembru tal-2015.

    Il-fattiga li daħlet fil-kamra u sabet lill-vittma ddeskriviet ix-xena quddiem għajnejha bħala waħda tal-waħx fejn kien irrapportat ukoll li fl-istess kamra tad-delitt kien hemm riħa qawwija ta’ xorb alkoħoliku. 

    Il-vittma, li kien imlaqqam Caju, kien ilu jgħix fi Zurich għal dawn l-aħħar sentejn u kien ilu residenti fil-lukanda għal mill-inqas ġimgħa qabel ma safa mira tal-attakk fatali. Il-midja Portuġiża qalet li dan l-istilista tax-xahar b’talent kbir, kellu wkoll mudelli u atturi lokali fost il-klijenti tiegħu.

    Minkejja li l-aġenzija tal-footballer Juventin kienet ikkuntatjata biex tagħti kumment uffiċjali għat-telfa ta’ Ferreira, din għadha ma ħarġet ebda reazzjoni għall-qtil tal-istilista tax-xahar favorit ta’ Ronaldo. 

    Albisrieden hija żona viċin id-disa’ distrett ta’ Zurich u kienet muniċipju għaliha sakemm fl-1934 saret parti minn Zurich.

    Residenti fl-istess lukanda lmentaw minn ħafna storbju ħiereġ mill-kamra tal-vittma... 25 sena ħabs għall-qattiel ta’ Alfie

    Fl-14 ta’ Mejju, 2002, Aimen Said Giali El Baden instab ħati għall-qtil ta’ Alfie Rizzo li seħħ fil-ħanut tax-xahar fil-Gżira u kien ikkundannat għal 25 sena ħabs. Il-verdett unanimu ngħata wara tliet sigħat u nofs biss ta’ deliberazzjoni.

    Il-ġurija sabitu wkoll ħati li seraq ammont fi flus ta’ mhux aktar minn LM100 u li kellu fil-pussess tiegħu sikkina bla liċenzja.

    L-Imħallef Joseph Galea Debono fis-sentenza tiegħu kien qal li El Baden kellu inqas minn 18-il sena meta għamel l-att kriminali u li qabel ma seħħ dan il-każ, qatt ma kien xellef dufrejgħ mal-liġi. 

    Din is-sentenza ngħatat biex twassal messaġġ lis-soċjetà ta’ dak iż-żmien, li mhix se tippermetti li barranin jaħsbu li jistgħu joqtlu f’pajjiżna u jingħataw sentenza inqas ħarxa dan kollu għax m’għandhomx il-familjari viċin tagħhom. Il-familja Rizzo għaddiet minn trawma kbira minħabba dan il-qtil u fil-perjodu tal-ġurija kien irrapportat li ma kienx jgħaddi jum li ma kienx ikollhom jerġgħu jiffaċċjaw ir-realtà iebsa tat-telfa tagħhom. 

    L-aħħar verdett unanimu minn ġurija fejn persuna nstabet ħatja ta’ qtil, kien ingħata fit-18 ta’ Jannar tal-1977 lil Emanuel Xuereb li kellu 30 sena minn Birkirkara. Dan kien instab ħati li fl-10 ta’ Frar, 1975 qatel b’arma tan-nar liż-żagħżugħ ta’ 22 sena, Francis Gili, fil-Belt Valletta.

    El Baden għandu jiskonta seba’ snin oħra ħabs wara li f’Diċembru tas-sena 2000, flimkien ma’ tliet priġunieri oħra, ħarab mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, attakka żewġ uffiċjali tal-ħabs, żammhom kontra l-volontà tagħhom, kif ukoll kellu fil-pussess tiegħu kellu sikkina bla liċenzja.

    Sadanittant, fl-2004 Ibrahim Romandan Ghamber Shnishah ta’ 27 sena, deher quddiem ġuri akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-istilista tax-xahar Malti. Wara s-smieħ fil-qorti, Shnishah instab ħati b’sitt voti kontra tlieta, li għamel arranġamenti ma’ El Baden biex joqtol u jisraq flus Alfie Rizzo. Huwa ngħata għomru l-ħabs.