Inawgurat il-Gozo Innovation Hub

    Il-Gozo Innovation Hub, proġett li sar b’investiment ta’ €9 miljun mill-Malta Industrial Parks u ko-finanzjat minn fondi Ewropej, ġie inawgurat illum mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

    Dan iċ-ċentru ta’ negozju, mifrux fuq medda ta’ 9,000 metru kwadru, se jservi bħala destinazzjoni prestiġġjuża għal dawk in-negozji li jaħdmu fuq l-intelliġenza artifiċjali, cybersecurity, blockchain u l-internet of things. Dan filwaqt li se jkun qed joħloq madwar 120 impjieg ġdid f’Għawdex.

    Fid-diskors tiegħu, il-Prim Minstru Joseph Muscat saħaq kif is-sabiħ tal-hub huwa li l-innovazzjoni u l-avvanz ekonomiku ta’ valur miżjud għoli, qed isir f’Għawdex. Qal li dan l-investiment b’mod partikolari se jkun qiegħed jolqot liż-żgħażagħ Għawdxin u b’hekk qiegħda titwettaq ix-xewqa li żgħażagħ Għawdxin isibu xogħol f’Għawdex stess.

    Min-naħa tiegħu, l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona qal li dan il-proġett jagħmel parti mill-viżjoni li għandu dan il-Gvern biex jagħmel lil Għawdex mutur ekonomiku. 

    Huwa semma kif meta kien qed jiġi ppjanat dan il-proġett, “bdejna naħsbu fuq kif nistgħu nagħmlu l-aħjar użu minn dan l-ispazju li għandna.” Qal li kien ikun aktar faċlii għall-Gvern li jibni l-fabbriki iżda minflok iddeċieda li jibni business centre innovattiv li jiffoka fuq is-setturi ekonomiċi tal-ġejjieni.

    “Dan għaliex aħna rridu li l-ekonomija ta’ Malta u ta’ Għawdex tkun future proof,” tenna l-Ministru Cardona li żied jgħid li fid-dinja tal-lum huwa kruċjali li l-ekonomija Għawdxija tkun innovattiva.

    Min-naħa tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana laqgħet b’sodisfazzjon dan l-investiment sostanzjali fil-gżira Għawdxija.

    Il-Ministru Caruna stqarret: “hija opportunità għal investiment barrani. Diġà għandna żewġ inkwilini u qed naspiraw li jkollna iktar ħa nkomplu nkattru t-tkabbir ekonomiku u nsostnuh.”