Turist Brittaniku li kien irrapurtat nieqes fi tmiem il-ġimgħa li għadda qiegħed ikun maħsub li ttiekel minn kelb il-baħar.
Ir-raġel ta’ 44 sena kien qiegħed jgħum fil-gżira ta’ Reunion meta għeb. Skont rapporti barranin jidher li l-koppja kienu qegħdin jgħumu f’Hermitage Lagoon waħdihom is-Sibt.
Meta żewġha ma rritornax, il-mara talbet għall-assistenza u bdiet tfittxija immedjata.
It-tfittxija bdiet kemm taħt il-baħar permezz tal-għaddasa kif ukoll fuq l-art b’uffiċjali akkumpanjati mill-klieb.
Il-mara żiedet tgħid li żewġha kien għawwiem tajjeb u veloċi u li kien iddeċieda li jmur għawma waħdu għax hi ma kinitx tlaħħaq, iżda baqa’ ma tfattċax.
Kelb il-baħar li kien qiegħed jgħum viċin żona turistika nqatel fl-aħħar jiem u f’awtopsja li saret fuqu rriżulta li kellu fdalijiet umani fl-istonku.
Fost dawn il-fdalijiet kien hemm id ta’ raġel li qiegħed ikun maħsub li hi tar-raġel irrapurtat nieqes minħabba ċ-ċurkett taż-żwieġ li nstab f’idejh.