“Terminator - Dark Fate” mistenni jkun diżappunt f'termini ta' dħul mill-box office

    L-aħħar film mis-sensiela “Terminator” jidher li mhux se jkun qed jilħaq l-aspettattivi tal-produtturi, hekk kif mistenni li jirreġistra telf sostanzjali. Dan hekk kif minkejja l-istennija, fl-ewwel ġimgħa “Terminator - Dark Fate” rreġistra dħul ta’ $29 miljun biss fl-Istati Uniti, u $102 miljun oħra minn madwar id-dinja.

    Il-film b’kollox ġie jiswa madwar $185 miljun, iżda ma’ din l-ispiża wieħed irid iżid ukoll bejn $80 u $100 miljun fi nfiq għal marketing u spejjeż oħrajn relatati mad-distribuzzjoni tal-film.

    Esperti tal-box office intant qed jisħqu li l-film jeħtieġ li jdaħħal mal-$450 miljun biex ma jagħmilx telf, iżda aktarx li d-dħul mill-box office jammonta għal bejn $180 u $200 miljun.