Omm ta’ tnejn, minn Georgia fl-Istati Uniti, qed tkun akkużata bil-qtil ta’ binha li kien għad kellu biss 20 xahar. Dan wara li lill-investigaturi qaltilhom li sawtet vjolentement lit-tarbija minħabba li kienet irrabjata li ħammeġ il-ħarqa.
Trinity Pittman, ġiet arrestata nhar is-Sibt li għadda fuq akkużi ta’ omiċidju u moħqrija ta’ tfal.
Il-mara ta’ 23 sena nhar il-Ġimgħa li għadda ħadet lil binha Conner Perry l-emerġenza ta’ sptar fi Newnan, fejn qalet li kien waqa’ minn fuq trampoline.
Madankollu l-istaff mediku tal-isptar ġiehom suspett fil-mara wara li l-ġrieħi li kien ġarrab it-tifel ma kinux konsistenti ma’ dak li qaltilhom il-mara.
It-tobba sabu li t-tifel kellu l-pulmun mimli bi fluwidu u l-istonku anke kellu kwantità ta’ demm fih.
Aktar tard it-tifel ġie trasferit fi sptar speċjalizzat, madankollu l-kura li rċieva kienet kollha għal xejn u miet aktar tard matul il-lejl.
Intant il-mandati ta’ arrest jgħidu li Pittman ammettiet li kienet sawtet lit-tifel b’mod vjolenti għal diversi drabi. Jidher li f’mument minnhom Connor waqa’ u ħabat rasu mal-art, u raqad.
Sigħat wara dan l-inċident, Pittman marret ix-xogħol u ħalliet lil Conner u lil ħuh ta’ erba’ snin għand is-sieħeb tagħha, Jeremy Davis ta’ 24 sena.
Pittman allegatament gidbet ukoll lil Davis dwar il-waqgħa.
Aktar tard Davis ċempel lil Pittman u qalilha li t-tifel kien qam, beda jivvomita, u anke kien qed ibati biex jieħu nifs.
L-awtopsja li saret fuq it-tifel uriet ukoll li kien sofra ġrieħi vjolenti fi żmien preċedenti.
Il-każ mistenni li jkompli fil-jiem li ġejjin.