Alfred Sant: Brexit jista’ jipperikola r-relazzjonijiet baġitarji bejn l-UE u r-Renju Unit

    Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim jista’ jipperikola r-relazzjonijiet tar-Renju Unit mal-UE jekk ma jkunx hemm arranġamenti legali.

    Filwaqt li vvota favur ir-rakkomandazzjoni dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jittratta il-kwistjonjiet baġitarji tal-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, Sant spjega li huwa għamel hekk għaliex l-obbligi finanzjarji diġà miftiehma taħt il-qafas finanzjarju attwali għandhom jinżammu. 

    Alfred Sant innota li l-benefiċjarji tal-finanzjament tal-UE involuti fi proġetti li għaddejjin għandu jkollhom garanzija tal-flus la darba ix-xogħol tagħhom jiddependi fuqhom.

    "L-inċertezza b'rabta ma' dak li l-UE impenjatha biex tiffinanzja tista' wkoll tkun ta' ħsara għall-immaġni tal-Unjoni bħala sors stabbli u sigur ta' finanzjament", qal Sant. 

    Sant żied jgħid li l-proposta biex tinżamm l-eliġibbiltà għall-finanzjament tal-UE għal entitajiet tar-Renju Unit u proġetti relatati mar-Renju Unit sakemm dan il-programm finanzjarju jintemm fl-2020, ikkundizzjonat mill-impenn tar-Renju Unit li jikkontribwixxi s-sehem tiegħu għall-istess perjodu, hija proposta ġusta. 

    Sant ikkonkluda l-ispjegazzjoni tiegħu dwar il-vot billi qal li huwa imperattiv li l-Parlament Ewropew jappoġġja bis-sħiħ it-tħejjija ta' 'programmi li jtaffu kontra l-instabbiltajiet li jistgħu jinħolqu bħala riżultat tax-xenarji differenti li taħthom jista' jseħħ l-irtirar tar-Renju Unit mill-UE.