Jiżdied il-kliem ta’ mibegħda fuq il-midja soċjali lejn l-immigranti wara l-irvell tal-Ħadd

    “Għandu jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fuqhom” - uħud mill-kummenti razzisti li ngħadu wara dak li seħħ fiċ-ċentru miftuħ f'Ħal Far

     

    Wara l-irvell li seħħ f’Ħal Far, fejn weġġgħu ħaddiema tal-forzi tal-ordni u nħarqu għadd ta’ karozzi, il-poplu Malti mtela rabja lejn l-immigranti u l-messaġġi ta’ mibegħda fuq il-Facebook splodew. Bħala poplu, li għal snin sħaħ konna magħrufa għal kemm nilqgħu bi ħġarna lill-barranin, dan il-kliem qiegħed jirrifletti kemm is-sitwazzjoni hija preżenti hi ta’ konflitt u tensjoni kbira. 

    Fost kummenti li qegħdin jinstigaw mibegħda mtella’ fuq il-midja soċjali kien hemm dawk fejn persuni kitbu ‘sparaw fuqhom, nisa, irġiel u tfal… oqtol kollox’, ‘dawn jiggasjawhom Hitler style’ u ‘għandu jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fuqhom la ma jistgħux jiżvogaw il-kaċċaturi’. 

    Dawn it-tip ta’ kummenti ma waqfux jitilgħu f’diversi gruppi b’mod speċjali dawk għall-Maltin biss, li ħafna minnhom iħossu li l-influss qawwi tal-immigranti mhux biss huwa ta’ piż fuq il-poplu, iżda hemm biża’ li rvellijiet bħal dawn jerġgħu jinqagħlu bi probabbiltà ta’ ġlied aktar serju b’periklu għall-familji.

    Fuq il-Facebook ittella’ video li fih persuna qalet li, “dawn in-nies, li lanqas insejħilhom nies… dawn il-mandra li jgħixu fil-kampijiet u jingħataw refuġju f’pajjiżna, iħamġu u jkissru… riħa ta’ ġrieden u vjolenza fuq il-Maltin. Imbagħad naqbżu għalihom għax imsieken u Alla jaf minn fejn ġew. 1,200 ingħaqdu flimkien u kissru kull m’hemm. Biċċa iswed inkallat u tinten seba’ pesti. Meta tara dik il-ħsara li ġarrab il-pajjiż, ma tistax tkun qalbek tajba ma’ dawn in-nies. Intihom il-mobile… il-ħwejjeġ. Intihom zokk ta’ sulfarina u landa petrol.”

    Ħafna mill-kummenti qalu li ma jaqblux li l-Gvern iħallas għall-ispejjeż ikkawżati f’dan l-irvell, fosthom il-karozzi maħruqa, għax kitbu li dawn se joħorġu mit-taxxi tal-poplu. Kumment minnhom kien, “il-Malti jħallas it-taxxi… il-Gvern se jagħmel tajjeb għall-ħsarat flok qabad u tefa’ lil dan iż-żibel kollu ‘l barra”. 

    Wara dak li ġara fi tmiem il-ġimgħa, għadd ta’ persuni appellaw biex tiżdied is-sigurtà f’pajjiżna u qiegħda tiżdied fil-popolarità t-talba biex Malta tagħmel referendum jekk tibqax fl-Unjoni Ewropea jew le. 

    Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li m’aħniex nintegraw sew.