Waterpolo: Avversarji diffiċli għal Malta fil-Kampjonat Ewropew

    Ritratt: Dominic Borg

    It-Tlieta filgħaxia ittellgħu l-poloz tal-34 edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew tal-waterpolo li se jintlagħab, f’Budapest, l-Ungerija, bejn it-12 u s-26 ta’ Jannar, tas-sena d-dieħla.

    B’kollox se jieħdu sehem 16-il team fosthom Malta u se jintlagħbu total ta’ 48 partita.

    Pajjiżna se jilgħab fi Grupp C li huwa wieħed ferm diffiċli hekk kif jinkludi liż-żewġ super potenzi Spanja u l-Ungerija kif ukoll it-Turkija, b’dawn tal-aħħar għandhom livell ftit jew wisq daqs tal-Maltin.

    Malta diġà affrontat lil Spanja f’Jannar 2016, fis-Serbja, fejn sfat megħluba bl-iskor kbir ta’ 14-3 waqt li reġgħet lagħbet kontra l-istess Spanjoli sentejn wara fi Spanja stess fejn sfat megħluba bi skor ikbar ta’ 21-4.

    Dan filwaqt li pajjiżna affaċċja lit-Turkija wkoll fl-2016 fejn rebaħ wara l-għoti tal-pe­nalties iżda tilef sentejn wara kontra l-istess pajjiż ukoll wara l-għoti tal-penalties.

    Il-Gruppi rriżultaw hekk:

    Grupp A: Ġermanja, Slovakkja, Kroazja, Montenegro.

    Grupp B: Rumanija, Serbja, Olanda, Russja.

    Grupp C: Ungerija, Spanja, Turkija, Malta.

    Grupp D: Franza, Italja, Georgia, Greċja.