Il-PM Muscat: “Diskors mill-Kap tal-Oppożizzjoni li jipprova jġelled lill-Maltin mal-barranin”

    Fl-ewwel kummenti tiegħu għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li: “dak li smajna llum kien diskors negattiv ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li injora għal kollox il-baġit li ġie ppreżentat u agħar minn hekk kellu diskors f’waqtiet minnhom b’lemħiet xenofobi fejn jipprova jagħti l-impressjoni u jipprova jġelled lill-Maltin mal-barranin. Dak huwa diskors populista li faċli tagħmlu imma fil-verità tkun qed tiżra żerriegħa verament kerha tal-mibegħda għas-snin li ġejin.”
     
    Dr Muscat qal ukoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma sabx ħin biex jikkummenta fuq diversi affarijiet fosthom iż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa lill-pensjonanti, l-ikbar żieda li ngħataw f’40 sena, il-fatt li dan il-Gvern reġa’ żied il-leave tal-ħaddiema u li dawn mill-ġdid qed iħallsu inqas taxxa u se jirċievu tax refund, u lanqas ikkummenta fuq il-miżuri ambjentali li ħa l-Gvern fosthom il-plastic ban, miżura importanti li se tbiddel wiċċ il-pajjiż. “Il-Kap tal-Oppożizzjoni f’sagħtejn li suppost kellu jwieġeb id-diskors tal-baġit, wieġeb kollox ħlief il-baġit,” qal il-Prim Ministru.