Joseph Xerri … Malti b'suċċess fil-ġurnaliżmu fl-Awstralja

    Mill-Union Print għal Maltese Herald fl-Awstralja … Joseph Xerri jisħaq fuq il-bżonn kontinwu li nsaħħu il-legat bejn Malta u l-Maltin li jgħixu barra

    "Li żżomm gazzetta għaddejja għal ammont ta' snin hija diffiċli minnha nnifisha: meta din il-gazzetta kellha taqsam kontinenti sħaħ, biex minn Malta tasal l-Awstralja, tista timmaġina x-xogħol li kellu bżonn isir biex dan iseħħ. Kuntent li dan irnexxielna nagħmluh għal ħames diċennji bla waqfien." Saħaq dan Joseph Xerri, wieħed mill-imħuħ wara l-Maltese Herald, f'intervista mal-Orizzont.

    Il-Maltese Herald kienet pubblikazzjoni li serviet ta' konnessjoni konkreta bejn Malta, u l-kommunita Maltija ġewwa l-Awstralja. "Għal ħamsin sena bla waqfien, il-gazzetta kienet toħroġ ġewwa l-kommunita Maltija fl-Awstralja: Għall-ewwel, darba kull ħmistax, pero eventwalment żidna r-ritmu ta' pubblikazzjoni għal darba kull tmint'ijiem. Kienu biss l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ta' kommunikazzjoni ġodda, li l-gazzetta kellha tieqaf, pero sal-ġurnata tal-lum, l-isem "The Maltese Herald" għadu fuq l-ilsien ta' bosta qarrejja."

    U x'kien l-involviment tal-Orizzont f'dan kollu? Xerri jisħaq li l-impjegati tal-Union Press kellhom rwol kruċjali fejn jidħol l-istampar: "Waħda mill-ikbar għajnuniet li sibna aħna kienet meta jiġu għar-ritratti. Fl-antik, ir-ritratti kienu jiġu mpaġnati fuq il-gazzetta permezz ta' blokok tal-ħadid, blokok li kienu fiżikament tqal u għalja. Madanakollu, grazzi għall-għajnuna tal-Union Print, u tal-ħaddiema u l-impaġnaturi mal-Orizzont u t-Torċa, dawn il-blokok kienu jingħataw lilna b'xejn. Apparti hekk, bħala gazzetta kienu jipprovdu l-assistenza tagħhom kull meta tlabniha."

    "Inkomplu nsaħħu l-legat bejn Malta u l-Maltin barra minn xtutna"

    Iltqajna ma' Xerri fit-tmiem tal-laqgħa annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jaħdmu Barra (CMLA). Dan il-Kunsill, immexxi mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, kien qiegħed jiddiskuti numru ta' sfidi, kif ukoll opportunitajiet ġodda, biex il-kommunita Maltija estera u d-dixxendenti tagħhom ssaħħu il-legat li għandhom ma' pajjiż twelidhom.

    Xerri, li huwa s-Segretarju attwali ta' dan il-kunsill, ddeskriva b'mod pożittiv l-andament ta' din il-laqgħa: "Kellna laqgħat tajbin ħafna, nazzarda ngħid iktar produttivi minn dawk tas-snin preċedenti, u dan minħabba l-volum ta' proposti u sfidi li ġew diskuss. Ovjament, hemm affarijiet oħrajn li għad fadal biex isiru, u hemm numru ta' deċiżjonijiet li aħna bħala Kunsill irridu nieħdu fil-viċin."

    "Fost it-temi diskussi, kien hemm l-edukazzjoni u t-tqassim tat-tagħrif mal-kommunitajiet Maltin barra minn xtutna. Din hija tema għal qalbi ħafna, għalhiex jiena għomri naħdem fis-settur edukattiv. Tant hu hekk, li ngħid li jiena dħalt fl-iskola meta kont għadni tifel, u qatt ma ħriġt minn hemm."

    Bħala Segretarju tas-CMLA, Xerri tenna li huwa qiegħed iħares il-quddiem għas-sena d-dieħla, fejn apparti l-laqgħa annwali tal-Kunsill, f'Ottubru 2020 il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin sejjer jorganizza Konvenzjoni għall-Maltin kollha li jgħixu barra. "Inħares il-quddiem għad-diskussjoni. fuq numru ta' proposti ġodda, biex inkomplu nsaħħu l-legat bejn Malta u l-Maltin barra."

    F'kumment ma' dan il-ġurnal, il-Ministeru Abela saħaq li parti kbira mill-Konvenzjoni sejra tkun maqsuma fi gruppi żgħar, magħmulin minn parteċipanti Maltin li jgħixu barra. "Huwa permezz ta' dan il-Kunsill, li bħala Ministeru sejrin inkomplu nippromwovu d-drittijiet u l-interessi tal-Maltin li jgħixu barra minn xtutna."

    "B'hekk, dan il-Kunsill jista jitqies bħala l-vejikolu uffiċjali, li minnu joħorġu idejat li jippromwovu l-interessi u l-vuċi tal-Maltin barra minn Malta, liema proposti imbagħad jiġu mplimentati mill-Gvern Ċentrali."