“Ħtieġa ta' aktar sigurtà” … Raħħal anke waqqaf immigranti milli jaqbżulu fir-razzett wara r-rewwixta ta' matul il-lejl

    Inewsmalta tkellmet ma’ raħħal li għandu razzett fl-inħawi taċ-ċentru u li ddeskrivielna l-kaos li kkaratterizza l-lejl li għadda. Saħaq li kollox beda għal-ħabta tal-11.00 p.m., u meta niżel lejn ir-razzett tiegħu biex jara li kollox kien f’loku, sema’ ħafna għajjat u tkissir.

    Filwaqt li qalilna li niżel iqatta’ l-lejl flimkien mal-annimali tiegħu minħabba dak li kien għaddej, ir-raħħal saħaq li saħansitra ra diversi immigranti jaqbżu l-ħitan li jdawru ċ-ċentru miftuħ kaġun tal-ġlied li kien hemm ġewwa anke fost l-immigranti.

    Tenna li anke kien hemm uħud mill-immigranti li ttantaw jaqbżulu fir-razzett, iżda b’xorti tajba l-Pulizija rrispondiet mill-ewwel għall-għajnuna tiegħu.

    Ir-raħħal emfasizza dwar il-ħtieġa li fiż-żona jissaħħaħ l-aspett tas-sigurtà. Qalilna li mhux l-ewwel darba li esperjenza inċidenti, fosthom ta’ immigranti li daħlulu u serqulu annimali mir-razzett.