AĠĠORNAT: Mat-80 immigrant jinħarġu miżmumin mill-Pulizija … Numru ta' Pulizija joħorġu miċ-ċentru miftuħ

    AĠĠORNAT (1.50 p.m.) Inewsmalta tinsab informata li madwar 80 persuna nħarġu miżmumin fuq il-vannijiet tagħhom. Huma se jkunu investigati b'rabta mas-sehem tagħhom fir-rewwixta ta' dan il-lejl.

    Intant numru ta' Pulizija ta' kontra l-irvellijiet ħarġu miċ-ċentru miftuħ.

    (11.45) Numru sostanzjali ta' uffiċjali tal-Pulizija daħlu fiċ-ċentru ta' Ħal Safi. Grupp ieħor ta' Pulizija jinsabu stazzjonati barra l-grada prinċipali taċ-ċentru miftuħ.

    (09.41 a.m.): L-immmigranti attakkaw u ħarqu wkoll il-guardpost li tinsab fl-entratura taċ-ċentru miftuħ. Ħarqu wkoll l-uffiċini amministrattivi fejn jinżammu d-dokumenti kollha u li preżubbilment jikkontjenu l-informazzjoni wkoll dwar l-identità tal-immigranti fiċ-ċentru miftuħ.

    (09.11 a.m.): Inewsmalta tinsab informata li ċ-ċentru miftuħ għadu taħt il-kontroll tal-immigranti. Jidher li r-rewwixta nbdiet minn grupp ta’ immigranti Sudaniżi li nħarġu mid-detention center ta’ Ħal Safi.

    Inewsmalta tinsab ukoll informata li l-Pulizija għadhom ma aslux fuq il-post fuq jerġgħu jieħdu kontroll taċ-ċentru miftuħ.

    Maqbduin mal-immigranti hemm ukoll grupp ta’ nisa, u f’dan l-istadju mhux eskluż ukoll li hemm il-preżenza ta’ tfal.

    (08.50 a.m.)  Inewsmalta tinsab informata li l-immigranti ħadu kontroll taċ-ċentru ta' Ħal Far, bil-Pulizija għadhom ma jistgħux jidħlu fiċ-ċentru biex jerġgħu jieħdu kontroll lura.

    Jidher li saħansitra l-immigranti anke bdew isawtu lil grupp ta' immigranti sħabhom fl-istess ċentru miftuħ.

    Minkejja li għall-bidu kien irrapportat li l-karozzi maħruqin kienu tal-Pulizija, ġie kkonfermat li l-immigranti ħarqu karozzi ta' ħaddiema fl-istess ċentru.

    AKTAR QABEL: Illejla, grupp ta' madwar elf immigrant qajmu rewwixta fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far wara li rnexxielhom joħorġu barra u bdew jipprotestaw. Bil-konsegwenza ta' dan, tliet Pulizija minn dawk li marru fuq il-post spiċċaw feruti. 

    Jidher li wara li l-immigranti rnexxielhom joħorġu minn dan iċ-ċentru, huma nġabru u bdew jipprotestaw. Minħabba f'hekk u minħabba l-istorbju ġew imsejħa l-Pulizija.

    X'ħin il-Pulizija marru biex jarrestaw lil min kien qed jikkaġuna l-istorbju, l-immigranti ħarġu għalihom bħala grupp wieħed ta' madwar elf persuna. Jidher li l-immigranti bdew igarawlhom l-affarijiet, bħal ġebel, ħġieġ u dak kollu li bdew isibu. Barra minn hekk, anke kissrulhom il-karozzi li ġew bihom. 

    Filwaqt li tliet Pulizija ġew feruti, jidher li hemm oħrajn li sofrew minn xokk kbir.