‘Micro-camera’ fil-latrini tal-istaff femminili fl-Emerġenza ta’ Mater Dei

    Il-Pulizija kkonfermat ma’ inewsmalta li qiegħda tinvestiga każ li seħħ ilbieraħ fl-Isptar Mater Dei, fejn instabet ‘micro camera’ mwaħħla f’waħda mil-latrini tal-istaff femminili tal-Emerġenza. 

    Mill-informazzjoni li għandu dan il-ġurnal jirriżulta li din il-kamera nstabet f’dustbin li hemm fil-latrina u li ġiet imwaħħla proprju b’tali mod biex minnha jkunu jistgħu jiġu osservati n-nisa li jidħlu jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom. 

    Jidher li l-latrini fejn seħħ il-każ għandhom aċċess limitat u jistgħu jidħlu fihom biss dawk in-nies li għandhom card apposta. 

    Malli nstabet din il-kamera, li magħha jidher li kien hemm ukoll power bank u SD Card Reader, minnufih sar rapport lill-Pulizija li bdiet tinvestiga l-każ. Sar rapport fl-Għassa tal-Imsida u bil-każ ġiet informata wkoll it-tmexxija tal-Isptar. 

    Intant, l-orizzont staqsa lill-Pulizija biex tikkonfermalna dan il-każ. Min-naħa tagħhom, il-Pulizija wieġbu li jinsabu informati b’dan ir-rapport u hemm investigazzjoni għaddejja.