“Hemm multi bejn l-€2,000 u l-€65,000”... Klieb jidħlu u “jbiċċru tiġieġ u flieles” fl-Għasri

    Aktar kmieni persuna lmentat dwar żewġt iklieb li aktar kmieni daħlu f’razzett fl-Għasri u “biċċru tiġieġ u flieles” li kien irabbi. Dan mhux l-ewwel każ ta’ klieb li jidħlu f’postijiet fejn jitrabbew annimali jew anke qtates u li jispiċċaw jagħmlu ħsara bis-sid jispiċċa lampa stampa u jsofri l-konsegwenzi.

    Inewsmalta kkuntattjat lid-Direttur tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali Noel Montebello u fost affarijiet oħra staqsejnih dwar il-proċedura wara rapporti simili.

    Montebello qalilna li l-ewwel u qabel kollox tajjeb li l-pubbliku jkun infurmat bl-emendi fil-liġi. Qalilna li persuni li joħorġu bil-klieb mingħajr ċinga u jikkawżaw ġrieħi fuq klieb oħrajn jew persuni oħra jistgħu jeħlu multi li jvarjaw bejn €2,000 u €65,000.

    Rigward il-każ ta’ ħsara fl-irziezet huwa qalilna li idealment dak li jkun iżomm il-klieb li jkunu attakkawlu l-bhejjem, l-uffiċjali jmorru fil-post u jiċċekkjaw jekk il-klieb ikunux microchipped biex minn hemm ikunu jistgħu jibdew il-proċeduri legali.

    Rigward klieb slavaġ li jkunu maħrubin f’żoni rurali, Montebello spjegalna li dawn tkun diffiċli biex jinġabru anke minħabba li dawn ma jkunx possibbli li tinstabilhom dar minħabba l-karattru tagħhom.

    Huwa ħeġġeġ lil dawk kollha li jrabbu l-annimali, kemm jekk bħala impjieg jew bħala dilettanti biex jinvestu f’ilqugħ b’saħħtu għax dan ikun l-aħjar metodu biex tipprevjeni kontra dawn il-każijiet.

    Montebello temm jgħid li bħala dipartiment huma jagħmlu ħilithom kollha biex fejn ikun hemm rapporti, flimkien mal-Pulizija jagħmlu l-investigazzjonijiet neċessarji bil-ħsieb li jgħinu l-individwi inkwistjoni bl-aħjar mod possibbli.