[FILMAT] “Meta ħaddieħor joħroġ 'il barra mill-periklu, aħna nidħlu fih”

    Dan is-sit iltaqa’ ma’ Leanne Newell, waħda mill-ewwel nisa f’Malta li għażlet il-karriera ta’ pumpier. Hija qalet li tinsab kburija ħafna li rnexxielha tasal u li kienet waħda mill-ewwel nisa. Leanne tappella biex kull min hu interessat ma jaqtax qalbu. “Jekk tixtieq u jekk taħdem għaliha, la wasalna aħna jista’ jasal kulħadd.”

    Il-passjoni tagħha biex issir pumpier kienet qisha miktuba għaliha. Fil-fatt, meta dan il-ġurnal tkellem ma’ ommha Sandra spjegatilna li apparti mill-fatt li kemm in-nannu u kif ukoll missierha ħadmu f’dan il-kamp, minn ċkunita bintha kienet tħobb tilgħab b’affarijiet relatati ma’ vetturi tat-tifi tan-nar. L-omm bi tbissima ftakret kif l-ewwel rigal li kien ġabilha missierha kien proprju ġugarell ta’ vettura tat-tifi tan-nar. “Jien dak il-ħin battu ‘l barra biha. Għidtlu fire engine għat-tifla? Fire engine għas-subien.”

    Omm Leanne żiedet tgħid li n-nies kienu dejjem iġibulha affarijiet relatati mal-vetturi tat-tifi tan-nar. “Kellha raincoats, umbrella, bwiez… kollox tal-fire engines. Dak iż-żmien kien popolari wkoll Fireman Sam u kienet tħobb tarah ħafna. Għad għandi filmati tagħha tara bozza li kienet qisha tagħmel id-duħħan u tgħidli, ‘Ara ma, fire’ u tagħmel il-ħoss tipiku tal-fire engine.”

    Leanne spjegat li minn mindu kienet żgħira dejjem kienet tiġri ma’ missierha fil-fire stations. Minkejja li matul il-ħajja tagħha għamlet xogħol ieħor, il-passjoni baqgħet hemm tant li tliet snin ilu daħlet bħala voluntiera mal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta (CPD) u minn hemm kompliet tavvanza. Leanne qalet li meta fetħu l-applikazzjonijiet, xtaqet li tibda tagħmel dan ix-xogħol fuq bażi permanenti. “Meta ħaddiehor joħroġ ‘il barra mill-periklu, aħna nkunu fil-periklu. Biżgħat mhux ħa ngħid li m’hemmx pero naħseb dak il-ħin l-adrenalina mbagħad tibda taħdem u jkollok is-sodisfazzjon kbir li qed issalva lil xi ħadd. Naħseb din il-passjoni ġiet ukoll mill-fatt li dejjem kien hemm dak l-element li nħobb ngħin lin-nies. Inħossni kburija li nagħmel xi ħaġa li nħobb u fl-istess ħin ngħin lil min hu fil-bżonn.”

    Leanne qalet li f’dan ix-xogħol trid tkun ippreparata għalkollox u għamlet diversi xhur ta’ taħriġ fejn tgħallmet dwar is-sitwazzjonijiet possibbli li jista’ jkun hemm bħal nar, kolliżjonijiet tal-karozzi, u materjal perikoluż, fost l-oħrajn. “Minkejja li jkollna t-taħriġ, fuq barra hemm dinja kompletament differenti. Fit-taħriġ hemm ċertu limitazzjonijiet sa fejn tista’ tasal. Hemm barra kull sitwazzjoni hija differenti. Tista’ tidħol f’dar biex titfi n-nar u tagħmel ċertu xogħol u l-għada tidħol f’oħra u trid taħdem b’mod differenti. In-nar mhux sempliċiment ħa tgħidlu jieqaf.”

    Leanne spjegat li x-xogħol ta’ pumpier huwa xogħol vast ħafna minkejja li għad hawn ħafna nies li jaħsbu li x-xogħol jinvovli biss meta jkun hemm xi nirien. “In-nirien weħidhom diġà huma vasti; hemm dawk industrijali, tad-djar, ta’ materjal perikoluż u gas perikoluż. Apparti minn hekk hemm ukoll l-aċċidenti tat-traffiku fejn jekk xi ħadd jinqabad fil-karozza, ikollna bżonn noħorġu lill-ferut bl-aħjar mod possibbli. Jista’ jkun hemm ukoll assistenzi fil-maltemp, salvataġġ tal-annimali, assistenzi lin-nies tal-ambulanza jew f’ċertu każijiet niddendlu jekk xi ħadd ikun waqa’ minn xi għoli.”

    Bħala aspirazzjonijiet futuri, Leanne esprimiet ix-xewqa li tibqa’ tistudja u tagħmel karriera, fejn eventwalment ikollha ċ-ċans biex tavvanza fil-gradi tal-profesjsoni tagħha. Hija tixtieq ukoll li xi darba jkollha l-opportunità li tagħmel taħriġ barra minn Malta fejn apparti li tara ambjent u kultura differenti, tkun tista’ titgħallem fuq sistemi li jistgħu jkunu differenti minn dawk ta’ Malta.

    Mistoqsija kif ħadu l-aħbar tal-familja u sħabha, Leanne qalet li tal-familja laqgħuha sew l-aħbar u ħadd ma ħadha bi kbira li għażlet li tagħmel dan ix-xogħol. Sħabha l-oħra ftit minnhom kienu voluntiera magħha u kienu diġà drawha filwaqt li stqarret li dawk il-ġodda bdew jidraw ukoll.

    Fil-fatt, ommha Sandra qalet li tinsab sodisfatta ħafna u se tkun qiegħda tagħti s-sapport kontinwu tagħha. Hija qalet, “dan ix-xogħol huwa riskjuż, perikoluż u weġgħa ta’ qalb tal-omm pero għalija huwa sodisfazzjon li hija tinsab kuntenta u li tniżżlet fl-istorja ta’ Malta għax wara tant sagrifiċċji li għamlet irnexxiela tasal fejn xtaqet. Anka n-nannu tagħha, min jaf minn hemm fuq kemm hu kburi biha. Leanne u t-tnejn nisa l-oħra li laħqu pumpiera qegħdin jwittu t-triq għal ħaddiehor, speċjalment għan-nisa l-oħra li huma interessati. Jien għax għandi l-età, għax kieku kont nidħol għaliha wkoll.”